Internazzjonali

Polemika dwar reklam razzista mil-Laburisti fl-Awstralja

Il-Kap tal-Partit Laburista Awstraljan fl-Oppożizzjoni, Bill Shorten, ammetta li ‘wettaq żball oħxon’ fir-rigward ta’ reklam tal-partit  tiegħu li qed iqanqal reazzjoni kbira minħabba ‘il-messaġġ razzista’ li jwassal.

Il-Laburisti fl-Awstralja, permezz tar-reklam, qed iwiegħdu biex ‘jimpjegaw lill-Awstraljani l-ewwel’, meta l-filmat inkwistjoni qed ikun ikkritikat bil-qawwi minħabba li l-maġġoranza assoluta tan-nies li jidhru fih huma bojod.

Min-naħa tiegħu, Shorten ċaħad li kellu xi ħsieb razzist iżda ammetta li ‘il-filmat (reklam) hu nieqes mill-kunċett ta’ diversità’.

Kien hemm anki deputati tal-Partit Laburista Awstraljan li kkritikaw ir-reklam, b’wieħed minnhom, Anthony Albanese, ifisser il-messaġġ bħala ‘wieħed xokkanti’ , waqt li kkummenta li r-reklam ‘messu ma sar qatt’.

Fil-filmat, Bill Shorten jikkritika lill-Prim Ministru Awstraljan, Malcolm Turnbull, dwar l-opportunitajiet tax-xogħol fl-Awstralja, iżda d-diskussjoni fost l-Awstraljani, fil-preżent, qed tikkonċentra aktar ‘fuq in-nies li dehru maġenb Shorten fil-filmat’.

Kelliema għall-Gvern Awstraljan, issa, qed jakkużaw lill-Partit Laburista b’li qed jipprova jappella lill-votanti konservattivi, waqt li Shorten wiegħed li l-partit tiegħu ‘għandu, ’il quddiem, juri sens aħjar ta’ diversità’.