Elezzjoni 2017 Lokali

Simon Busuttil iħabbar ħames proposti ta’ miżuri soċjali

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil flimkien ma' erba' kandidati tal-Partit Nazzzjonalista waqt konferenza tal-aħbarijiet.
Il-flus iridu jittiehdu mingħand nies korrotti u jmorru għand il-poplu.

Il-Partit Nazzjonalista jrid jelimina l-korruzzjoni biex bil-flus li jiġu ffrankati, minflok ikunu mgħejuna nies li għaddejjin minn tbatija. Il-flus iridu jittiehdu mingħand nies korrotti u jmorru għand il-poplu.

Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista qed iwiegħed proposti favur il-familja, li jsaħħuha u jgħinu lill-ġenituri li għandhom it-tfal biex ilaħħqu mal-ħajja u jgħixu ħajja komda.

  • Servizz ta’ childcare b’xejn għal kulħadd: servizz li jiġi estiż, mhux biss għal nisa li joħorgu jaħdmu iżda għal kulħadd. Dan ifisser li anke ġenituri li mhux it-tnejn jaħdmu se jgawdu minn din il-miżura radikali u importanti. Din il-proposta qed issir għaliex il-Partit Nazzjonalista jemmen li t-tfal kollha għandhom jiġu trattati l-istess, u jiġu mgħejuna wkoll il-ġenituri kollha;
  • Żieda fiċ-children’s allowance minn €450 fis-sena għal €550 għal kull wild. Għall-familji bil-minimum wage, iċ-children’s allowance tiżdied b’€200 għal kull wild;
  • Leave ta’ maternità u paternità jiżdiedu minn 18-il ġimgħa kif inhi llum għal 22 ġimgħa, biż-żieda tkun sussidjata mill-Gvern. B’hekk din hi proposta li se tintroduċi wkoll leave għall-missirijiet li għandhom dritt igawdu lil uliedhom. Din hi miżura li dwarha se ssir konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali, u li dwarha jrid jintlaħaq qbil magħhom biex tidħol fis-seħħ bil-kooperazzjoni ta’ kulħadd;
  • Is-sick leave għall-ħaddiema jkun jista’ jintuża kemm meta jimrad il-ħaddiema imma wkoll uliedhom li attwalment qed jaffaċċjaw problemi kbar meta l-ulied ikunu morda u ma jistgħux imorru l-iskola. Qed tinħoloq sitwazzjoni wkoll fejn ġenituri jkollhom jabbużaw, u jirrappurtaw li huma dawk li ma jifilħux, biex jieħdu ħsieb uliedhom. Anke dwar din il-miżura, Simon Busuttil qed iwiegħed diskussjoni, li għandha twassal li jitnaqqas l-abbuż mis-sistemà preżenti, iżżid il-lealtà tal-ħaddiema lejn il-post tax-xogħol u l-ġenituri jkunu inċentivati li jibqgħu fid-dinja tax-xogħol;
  • Trasport b’xejn għall-istudenti kollha u b’xejn għall-iskejjel tal-Knisja u wkoll dawk privati, liema proposta mhux biss se tnaqqas l-ispejjeż għall-ġenituri imma se tkun ukoll miżura li se tnaqqas drastikament it-traffiku mit-toroq Maltin għaliex jitnaqqsu eluf ta’ toroq kuljum. Proposta li se twassal ukoll għal għajxien ta’ ħajja aħjar.

ħabbar dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret it-Tnejn filgħodu u li matulha ġew ippreżentati sensiela ta’ proposti mill-Partit Nazzjonalista. Madankollu Simon Busuttil fakkar li din l-elezzjoni hi iktar minn elezzjoni ta’ proposti, imma waħda ta’ prinċipju.

Il-Partit Nazzjonalista diġà għamel ħames proposti dwar Ghawdex. Saru wkoll ħames proposti oħra dwar politika nadifa.

Dan minbarra li għall-aħħar tliet snin l-Oppozizzjoni ppubblikat rapport wara l-ieħor bi proposti għal pajjiżna, kif ukoll saret l-ewwel Oppozizzjoni f’pajjiżna li ħarget sensiela ta’ proposti, qabel baġit wara l-ieħor li ħafna minn dawn il-proposti ġew introdotti propju mill-Gvern.

Il-messaġġ li qed iwassal il-Partit Nazzjonalista permezz ta’ dawn il-proposti hi li l-poplu fil-verità qed iħallas għall-korruzzjoni tal-klikka li matul dawn l-aħħar erba’ snin ħakmet lil Kastilja. Taħt Gvern Nazzjonalista din tiġi eliminata u l-flus moħlija li jiffranka pajjiżna, dawn jgħaddu direttament għand il-familji Maltin u Għawdxin.

Appella lil Joseph Muscat jieqaf jiżra l-firda u jieqaf jabbuża min-nies għall-vot tagħhom wara li kliemu dwar il-problemi li jaffaċċjaw il-persuni tal-Kottonera ddawwar u ġie manipulat biex minflok messaġġ ta’ għajnuna u sostenn, ġie jinstema’ bħala attakk.

Simon Busuttil qal li qalbu hi man-nies tan-naħa t’isfel ta’ Malta, tant li saħansitra anke t-tfajla tiegħu Kristina Chetcuti hi mis-South. Qal li hu kien qed jitkellem dwar problemi soċjali li jolqtu lill-post fejn kien hu fil-mument li għamel dan id-diskors u għalhekk ikkundanna l-mod kif iddawwar kliemu.

Tkellem ukoll dwar ir-reazzjoni tal-Prim Ministru, li kkundanna lil min ippubblika dettalji tar-rapport tal-FIAU minflok ikkundanna lil Keith Schembri għall-azzjonijiet tiegħu u li dwarhom jinsab taht investigazzjoni kriminali għal tixħim u ħasil ta’ flus.

Dwar dan Simon Busuttil qal li vera li hemm klawzola biex ma tiġix żvelata investigazzjoni, rapport tal-FIAU għandu jibqa’ sigriet, iżda qal li din il-klawżola ma għandiex tiġi użata biex ikun protett min kiser il-liġi. “Din il-klawżola tinsab hemm biex ikun protett min hu innoċenti, mhux il-kuntrarju,” qal Simon Busuttil li mill-ġdid appella lill-Avukat Ġenerali biex jippubblika kull rapport li hemm dwar Konrad Mizzi, Keith Schembri jew Joseph Muscat.

Qal li jekk l-Avukat Ġenerali jrid jibqa’ jistaħba wara l-liġi, allura min jistax jgħaddilu dan ir-rapport b’mod kunfidenti, lest li jkun hu li jippubblika dan ir-rapport u jkun hu li jerfa’ r-reaponsabiltà talli jagħmel dan.

Tenna mill-ġdid li jinsab diżappuntat immens bl-aġir tal-Avukat Ġenerali, bniedem ta’ prinċipju u integrità, imma qal li għandu suspett li jinsab imwerwer. “Tħallihomx jużawk, l-appell tagħna hu biex isir is-sewwa, ma jħallix li jiġi kkontrollat mill-klikka ta’Kastilja. Tkun qed tqarraq bin-nies jekk rapport li jgħid li Keith Schembri hu nvolut f’ħasil ta’ flus jibqa’ moħbi. Int ħadt ġurament lejn il-poplu, u mhux lejn Joseph Muscat u sħabu,” iddikjara Simon Busuttil.

Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll Paula Mifsud Bonnici, Alex Perici Calascione, Ivan Bartolo u Alessia Psaila Zammit.