Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, indikat li l-Partit Konservattiv fil-Gvern għandu jwiegħed mill-ġdid biex inaqqas l-immigrazzjoni netta lejn ir-Renju Unit għall- ‘għexieren ta’ eluf’.
Meta tkellmet f’Harrow, May irreferiet għal dan l-aspett delikat fil-manifest elettorali tat-Tories, waqt li spjegat li l-livelli tal-immigrazzjoni qed iħallu impatt fuq is-servizzi pubbliċi u l-ħaddiema bl-anqas introjtu.
Meta staqsewha jekk din il-mira għall-immigrazzjoni (li baqgħet mhix irrealizzata mill-2010 sal-lum) tistax tintlaħaq, May sostniet l-importanza li l-pajjiż ikompli jaħdem lejn livelli ‘sostenibbli’ ta’ immigranti.
Min-naħa tagħhom, il-partiti politiċi l-oħrajn fir-Renju Unit qalu li l-mira ta’ May hi waħda ‘artifiċjali’ waqt li ħeġġewha biex twarrab il-pjan inkwistjoni.
Nhar il-Ħadd, is-Segretarju għad-Djar, Amber Rudd, irrifjutat li tgħid jekk il-wegħda partikulari dwar l-immigrazzjoni – li dehret fil-manifesti tal-2010 u l-2015 preżentati mit-Tories – kellhiex tkun irrepetuta. Madankollu, sorsi infurmati ‘jifhmu’ li l-wegħda ‘definittivament’ għandha tispikka fil-manifest tal-2017, li se joħroġ il-ġimgħa d-dieħla.
//= $special ?>