Futbol Sport

Bjorn Kristensen jirbaħ l-MFPA Best Player

Bjorn Kristensen jirċievi l-unur tal-MFPA Best Player mingħand David Carabott

Il-midfielder ta’ Hibernians Bjorn Kristensen, ġie magħżul bħala l-Plejer tas-Sena tal-MFPA magħżul mill-plejers stess. B’hekk hu sar l-ewwel plejer li rebaħ l-unur minn meta l-Assoċjazzjoni Maltija tal-plejers, nediet it-tazza l-ġdida. Plejer ieħor ta’ Hibernians kiseb unur importanti, hekk kif l-attakkant Jurgen Degabriele rebaħ l-unur tal-aqwa plejer żagħżugħ tal-MFPA.

B’kollox ingħataw 24 unur bl-għażla tkun kollha deċiża mill-plejers stess. Fost l-unuri ġew magħżula t-tim tal-MFPA. Bħala gowlkiper ġie magħżul Dziugas Bartkus u Marcelo Dias, Rodolfo Soares, Jonathan Caruana u Leandro Aguirre intgħażlu bħala d-difensuri. Il-midfielders magħżula huma Bjorn Kristensen, Jackson Lima, Alan da Silva Souza u Gareth Sciberras, biż-żewġ attakkanti jkunu Jean Paul Farrugia u Bojan Kaljevic. L-aqwa kowċ intgħażel Mark Miller.

Fost l-unuri l-oħra, Alan Mario Sant rebaħ l-unur tal-aqwa referee, Juninho Cabral intgħażel bħala l-aqwa plejer tal-ewwel diviżjoni, Stephania Farrugia rebħet l-unur tal-aqwa plejer femminili u Everton da Silva Santos rebaħ l-aqwa plejer tal-futsal. Swieqi United rebħu l-unur speċjali tal-MFPA, filwaqt li Tony Gambin ingħata unur ta’ rikonoxximent għax-xogħol tiegħu.

Barra minn hekk, kien hemm erba’ unuri għal plejers żgħażagħ. Jake Galea ta’ St. Andrews rebaħ l-aqwa gowlkiper żagħżugħ u Daniel Zerafa ta’ Tarxien rebaħ l-aqwa difensur żagħżugħ. Jake Grech ta’ Ħamrun Spartans intgħażel bħala l-aqwa midfielder żagħżugħ filwaqt li Jurgen Degabriele rebaħ l-aqwa attakkant żagħżugħ.

F’indirizz waqt is-serata, is-Segretarju Ġenerali tal-MFPA Carlo Mamo, talab lill-partitarji tal-futbol biex jilqgħu t-tibdil propost mill-MFPA, biex b’hekk iseħħ żvilupp xieraq għall-plejers Maltin. Mamo li l-MFPA ilha ssejjaħ għat-tneħħija tas-sistema tal-parametri għal snin twal, għaliex fi kliem l-assoċjazzjoni, jostakola t-talent lokali u jtellef il-progress tal-futbol Malti.

Is-serata saret fil-Limestone Heritage fis-Siġġiewi, u ċ-ċerimonja kienet preżentata mill-eks plejer Ben Camille u Deandra Agius.