Futbol Sport

Dick Advocaat kowċ nazzjonali tal-Olanda għat-tielet darba

Dick Advocaat kien kowċ tal-Olanda bejn l-1992 u l-1994 u bejn l-2002 u l-2004

Il-kowċ veteran Dick Advocaat, inħatar kowċ tat-tim nazzjonali Olandiż għat-tielet darba b’Ruud Gullit jinħatar bħala assistent tiegħu. L-eks kowċ ta’ diversi klabbs fosthom Rangers u Sunderland, se jagħlaq 70 sena f’Settembru li ġej. B’hekk hu sar l-ixjaħ kowċ tat-tim nazzjonali Olandiż, wara li Guus Hiddink kien ħalla t-tmexxija tat-tim nazzjonali f’Ġunju tal-2015 fl-età ta’ 68 sena.

Advocaat hu mistenni li jidħol fil-kariga f’Ġunju wara li jħalli lill-klabb Tork Fenerbahce, u se jieħu post Danny Blind li tkeċċa f’Marzu, bl-Olanda jinsabu fir-raba’ post fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja.

Advocaat kien mexxa lill-Olanda bejn l-1992 u l-1994, bl-Olanda jaslu sal-kwarti tal-finali tat-Tazza tad-Dinja tal-94, u reġa’ mexxa lit-tim bejn l-2002 u l-2004, bl-Olanda jaslu sas-semifinali tal-Euro 2004.

Gullit u Advocaat kellhom argumenti bejniethom fl-ewwel perjodu ta’ Advocaat. L-eks plejer ta’ Milan kien irtira mill-futbol internazzjonali wara li ġie sostitwit kontra l-Ingilterra, qabel ma dawwar id-deċiżjoni. Hu reġa’ rtira qabel it-tazza tad-Dinja tal-1994 wara argumenti ma’ Advocaat fuq it-tattika.

Il-karriera ta’ 37 sena ta’ Advocaat fil-kowċing, tinkludi tmexxija tat-timijiet nazzjonali tal-Għarab Emirati Maqgħuda, il-Korea ta’ Isfel, il-Belġju, ir-Russja u s-Serbja.