Konferma li l-Partit Laburista qed ipoġġi prezz fuq it-tfal u l-edukazzjoni, hekk kif numru ta’ esponenti Laburisti, fosthom il-Prim Ministru Joseph Muscat, tkellmu kontra l-proposta taċ-childcare b’xejn għat-tfal kollha minħabba li din se tiswa ħafna flus.
Wieħed mill-impenji ta’ Gvern ġdid Nazzjonalista hija li jagħti childcare b’xejn lil kulħadd, anke lil tfal ta’ ġenituri li ma jaħdmux. Ir-raġuni ewlenija hija li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni fl-edukazzjoni bejn tfal ta’ ġenituri li jaħdmu u tfal ta’ ġenituri li ma jaħdmux.
“Ma tagħmilx sens” qal il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo f’konferenza tal-aħbarijiet filgħodu, waqt li semma kif bil-proposta tal-Partit Nazzjonalista, iridu jiġu rduppjati r-riżorsi.
Kummenti simili mill-Ministru Helena Dalli, li wkoll attakkat il-proposta tal-Partit Nazzjonalista minħabba l-flus. “Ma rridux li l-pajjiż jirriskja li jkollu politika li m’hijiex sostenibbli”, qalet waqt konferenza tal-aħbarijiet waranofsinhar fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.
M’humiex biss l-esponenti ewlenin tal-Partit Laburista li qed jattakkaw din il-proposta, iżda saħansitra anke l-Prim Ministru Joseph Muscat li filgħodu attakka l-proposta hu stess waqt li staqsa “minn fejn se jġib il-flus” il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil biex iwettaq din il-proposta.
//= $special ?>