Elezzjoni 2017 Lokali

FILMAT: “Kulħadd għandu jaċċetta d-dokument tal-vot” – Beppe Fenech Adami

Issa li bdew jitqassmu d-dokumenti tal-vot għall-elezzjoni ġenerali tat-3 ta’ Ġunju kulħadd għandu jaċċetta d-dokument tal-vot u għandu jassigura li l-informazzjoni fid-dokument hi korretta u jekk hi korretta, jerfa’ d-dokument tal-votazzjoni f’post sigur.

Jekk ikun hemm xi problema fir-ritratt jew fid-dettalji tal-votant, il-votant għandu immedjatament imur għand il-Kummissjoni Elettorali biex id-dokument jinbidel u għandu ċans sa nhar l-Erbgħa 31 ta’ Mejju biex jagħmel dan.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit, Beppe Fenech Adami qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali. Hu kien akkumpanjat minn Matthew Mangion, Direttur tal-Uffiċċju ELCOM, l-uffiċċju elettorali tal-Partit Nazzjonalista.

Hu spjega li l-ftehim li l-Kummissjoni Elettorali kellha mal-partiti politiċi kien li d-dokumenti tal-vot li bdew jitqassmu propju t-Tlieta kellu jkollhom screening biex il-linka fuqhom ma tiżżelliġx.

Imma dan ma sarx u jidher li dan ma setax isir għax il-Kummissjoni Elettorali ma kinitx qed tistenna li jaqa’ l-Gvern ta’ Joseph Muscat sena qabel il-waqt. B’hekk inħolqot kriżi f’istituzzjoni oħra fil-pajjiż sostna Beppe Fenech Adami.

Il-Viċi Kap tal-PN qal li l-ftehim mad-delegati tal-partiti kien li d-dokumenti jkollhom l-assigurazzjonijiet kollha li titlob il-liġi. Imma nhar it-Tnejn lill-Kummissjoni Elettorali inġibditilha l-attenzjoni li l-linka minn fuq id-dokumenti tal-vot tista’ tiżżelleġ u l-Kummissjoni ltaqgħet it-Tnejn stess filgħaxija u sar eżerċizzju u kien konfermat li l-linka tista’ tmur minn fuq id-dokumenti tal-vot.

Beppe Fenech Adami qal li minkejja dan, il-Kummissjoni li għandha maġġoranza ta’ membri nominati minn Joseph Muscat xorta ħadet id-deċiżjoni li d-dokumenti tal-vot jibdew jitqassmu mill-bieraħ. Hu qal li mhux veru li r-rappre\entanti tal-PN fil-Kummissjoni Elettorali qablu ma kif kienu stampati d-dokumenti tal-vot.

Hu spjega li waħda mis-salvagwardji tal-Kummissjoni Elettorali hi li fil-post tal-votazzjoni l-aġenti tal-partiti se jkollhom lista tal-votanti li jivvutaw f’dak il-post tal-votazzjoni.

Il-Viċi Kap tal-PN appella lill-Kummissjoni Elettorali biex toffri servizz effiċjenti u appella lill-Pulizija li jqassmu d-dokument tal-vot flimkien mal-aġenti tal-partiti biex dan il-proċess jimxi tajjeb. Hu appella lill-poplu jibqa’ viġilanti u min għandu problema jitkellem mill-ewwel u ma jħallix sa dakinhar tal-elezzjoni ġenerali.