Il-Prim Ministru Joseph Muscat jemmen li l-flus li għaddew b’mod sigriet għand mingħand Brian Tonna għal għand Keith Schembri, għaddew bħala ħlas lura għal loan li Schembri kien sellef lil Brian Tonna, u mhux bħala flus ġejjin minn tixħim.
“Iva, nemminha”, qal Muscat b’referenza għall-verżjoni ta’ Keith Schembri u ta’ Brian Tonna li l-flus li għaddew fil-kont ta’ Schembri f’Pilatus Bank huma ħlas għal ‘loan’ li Schembri kien sellef lil Brian Tonna fl-2012 meta kien għaddej bi proċess għal separazzjoni.
Imma f’rapport ippubblikat mill-ġurnal Times of Malta, ġie żvelat li la Schembri u lanqas Tonna ma jridu jippubblikaw records li juru li fl-2012 saret din it-transazzjoni.
“Naf biċ-ċert li l-‘loan agreement’ ġie ppreżentat quddiem il-Maġistrat” qal Muscat fir-risposti tiegħu lil NET News, waqt li ta x’jifhem li hu stess ma rax dan il-loan agreement anke jekk qed jiddikjara li jemmen il-verżjoni ta’ Schembri u Tonna.
“Jien ma noqgħodx nidħol biex niġbor il-provi. (Il-loan agreement) qiegħed quddiem il-Maġistrat, u naf li ġie ppreżentat quddiem il-Maġistrat”, żied jgħid Muscat. Mistoqsi għaliex jemmen il-verżjoni ta’ Schembri meta hemm rapport tal-FIAU li jgħid li l-loan aktarx hija “bogus loan” bl-intenzjoni tgħatti l-kriminalità, Muscat irrifjuta li jwieġeb u qal li fiż-żmien li ġej se toħroġ aktar informazzjoni dwar ir-rapport tal-FIAU.
Ir-rapport tal-FIAU kien ilu jinżamm moħbi fuq l-ixkaffa tal-Kummissarju tal-Pulizija sena sħiħa, qabel ġie żvelat mill-gazzetta The Sunday Times of Malta.
//= $special ?>