Internazzjonali

Franza: Eks Prim Ministru Soċjalista jħares lejn futur mal-Partit ta’ Macron

L-eks Prim Ministru Soċjalista, Manuel Valls, qal li jrid jikkuntesta l-elezzjonijiet ġenerali li jmiss fi Franza bħala membru tal-partit immexxi minn Emmanuel Macron li għadu kemm ġie elett President ta’ Franza.

Sadanittant, Manuel Valls, li allegatament qed iħares lejn futur bħala rappreżentant ‘tal-maġġoranza’, qanqal rabja fost l-ekskollegi tal-partit tiegħu bil-kummenti li ‘is-Soċjaliżmu huwa mejjet’.

L-aħħar rapporti qalu li Valls ‘kellu żmien sa 24 siegħa’ biex jissieħeb mal-partit ta’ Macron – li kien elett President nhar il-Ħadd – meta dan il-partit beda jagħżel il-kandidati tiegħu għall-elezzjoni ta’ Ġunju.

Il-partit bidel ismu minn En Marche għal La Republique en Marche u mistenni jkollu lista ta’ kandidati sal-Ħamis. Il-kandidati inkwistjoni x’aktarx li jkunu ġejjin minn diversi bnadi tal-ispektrum politiku minbarra li jkunu wkoll rappreżentattivi tas-soċjetà ċivili. Dan meta l-En Marche twaqqaf 13 il-xahar ilu biss u ma għandu l-ebda deputat fl-Assemblea Nazzjonali ta’ Pariġi.

Manuel Valls kien irriżenja minn Prim Ministru meta falla milli jikseb il-kandidatura Soċjalista għall-Presidenza Franċiża. Hu aktar tard kien appoġġja l-kampanja ta’ Macron għall-Presidenza tal-pajjiż.

L-aħħar kummenti ta’ Valls, fl-istess ħin, ingħataw fi żmien partikularment delikat għas-Soċjalisti Franċiżi u qabel laqgħa nazzjonali tal-istess partit biex il-membri jorganizzaw ruħhom mill-ġdid wara l-aħħar disfatta elettorali.

Emmanuel Macron rebaħ 66 fil-mija tal-vot fit-tieni fażi tal-elezzjoni għall-Presidenza Franċiża waqt li Marine Le Pen, l-avversarju tal-lemin estremista, kisbet madwar 34 fil-mija tal-appoġġ popolari. Hu minnu wkoll li kwart tal-popolazzjoni astjenew waqt li ‘il fuq minn 11 fil-mija ħassru d-dokument tal-vot inkella ħallewh vojt.