Elezzjoni 2017 Lokali

Għażla favur Malta – Il-kandidati taħt it-tinda fiż-Żejtun

Il-proposti li ressaq il-PN, il-wegħdi fiergħa ta’ Muscat u l-krizi kostituzzjonali ta’ pajjiżna kienu fil-qofol tal-interventi tal-kandidati tat-tielet distrett f’attività taht it-tinda fiż-Żejtun.

Amanda Abela fakkret li l-PN qed iressaq proposti li qed jolqtu faxex wiesgħa ta’ nies – fost dawn hija għamlet referenza partikolari għall-proposti li se jolqtu lin-nisa.

John Baptist Camilleri rrefera għall-kriżi istituzzjonali li hawn pajjiżna. Huwa fakkar fil-kriżi tal-AirMalta u semma l-proposti tal-PN mmirati li jsalvaw il-linja nazzjonali tal-ajru.

Raymond Caruana semma l-wegħdi tat-trasparenza, meritokrazija u l-kontabilità li llum saru gidba u qal li pajjiżna jinħtieġ mexxej bħal Simon Busuttil li jgħolli isem pajjiżna fejn jixraqlu.

Charlot Cassar fakkar li bejn l-interess ta’ dawk viċin tiegħu u dawk tal-pajjiż, Muscat ipprefera l-interessi tiegħu u ta’ dawk ta’ madwaru kif ġara fil-każ ta’ Żonqor u fakkar fl-impenn tal-PN li jagħti lura ċżonqor lura lin-nies.

Janice Chetcuti fakkret li jekk illum niftaħru b’ekonomija b’saħħitha, nistgħu nagħmlu dan biss għax Gvern Nazzjonalista bena l-ekonomija fuq pedamenti sodi.

Errol Cutajar silet id-differenza bejn il-Gvern ta’ Joseph Muscat fejn jissemmew il-miljuni  f’korruzzjoni u l-Partit Nazzjonalista li jonfoq miljuni għall-gid tal-poplu Malti.

Catherine Farruguia f’isem il-PD qalet li hi kienet waħda minn dawk li afdat lil Muscat iżda llum indunat bil-wegħdi foloz ta’ Muscat. Hija appellat li vot lill-Forza Nazzjonali jissarraf biex Malta verament issir tagħna lkoll.

Mario Galea qal li l-veru road map ta’ Muscat kienet ir-raod map ghall-Panama u llum Muscat u ta’ madwaru jinsabu dahrhom mal-ħajt bl-iskandli li heżżew lil dan il-pajjiż.

Carm Mifsud Bonnici sahaq li wasal iż-żmien li l-ġustizzja soċjali tidħol lura fl-aġenda nazzjonali ta’ pajjiżna.

Mario Rizzo Naudi rrefera għall-proposti li ressaq il-PN li se jmissu mill-qrib lill-familji fost dawn il-proposta ta’ sick leave lill-ġenituri meta jimirdu t-tfal.

Stephen Spiteri fakkar li l-applikazzjonijiet għall-akkomodazzjoni socjali llum splodew għal 3800 u fakkar fil-proposti tal-PN li se jissrrfu fi kwalità ta’ ħajja aħjar.

Jason Zammit staqsa għal min hu l-aqwa żmien għal pajjiżna u qal li huwa biss jekk nagħżlu lil Simon Busuttil bħala Prim Ministru ġdid li pajjiżna jista’ jikseb lura l-valuri ta’ onestà u integrità.