L-awtoritajiet Ġermaniżi arrestaw tielet raġel bħala parti minn investigazzjoni dwar estremiżmu tal-lemin li qed jingħad li ‘infiltra’ lit-taqsimiet tal-Armata.
Skont ir-rapporti, ir-raġel arrestat hu logutenent li, allegatament, kien imsieħeb f’kumplott għal sparatura ‘li kellha tkun ippreżentata bħala attakk minn militanti Iżlamiċi.’ L-arrest partikulari qed jingħad li seħħ fil-belt ta’ Kehl, maġenb ix-Xmara Rhine u ftit ‘il hinn mill-belt Franċiża ta’ Strasbourg (man-naħa opposta tax-xmara).
Il-prosekuturi qalu li dan il-logutenent hu suspettat dwar ‘aġir xprunat minn konvinzjoni estremista’. L-arrestat inkwistjoni kien stazzjonat ġo barracks fi Franza, l-istess bħal raġel ieħor li, f’April, kien ukoll arrestat fuq suspett ta’ simpatiji estremisti.
L-awtoritajiet arrestaw ukoll student f’dan il-każ li qed iqajjem tħassib fil-Ġermanja dwar ‘il-livell ta’ attività estremista tal-lemin fi ħdan il-militar’.
Dan wara li, jiem ilu, kienu ħarġu direttivi għal spezzjonijiet fil-barracks kollha tal-Armata Ġermaniża wara li nstab xi materjal tal-era Nażista ġo xi kumplessi militari.
//= $special ?>

