L-elettorat fil-Korea t’Isfel għażel lill-kandidat liberali, Moon Jae-in, bħala l-President ġdid, meta magħruf li Moon hu favur ta’ djalogu akbar mal-Korea ta’ Fuq komunista.
Il-vot favur Moon kien wieħed ‘qawwi’, fost indikazzjonijiet li hu rebaħ ftit aktar minn 41 fil-mija tal-vot, u bl-eqreb rivali, il-konservattiv Hong Joon-Pyo, jikseb biss 23 fi-mija.
L-elezzjoni bikrija fil-Korea t’Isfel issejħet wara skandlu kbir tal-korruzzjoni li kien wassal għall-impeachment tal-eks-President, Park Geun-hye, li hi akkużata b’li permettiet ħabiba biex tirrikatta l-flus lill-kumpanniji ‘f’isem l-Istat’.
Sadanittant, il-vot favur Moon Jae-in – eks-membru tal-qawwiet speċjali Koreani u llum avukat favur id-drittijiet umani — jindika li l-poplu fil-Korea t’Isfel jiffavorixxi bidla fil-politika attwali ta’ pajjiżu. Dan wara li Moon kien tilef kontra Park Geun-hye fl-elezzjonijiet tal-2012, bil-poplu qed jittama wkoll li ‘jwarrab mill-era tal-iskandli’.
Mistenni li Moon, ‘il quddiem, isegwi l-politika ta’ aktar djalogu mar-reġim fi Pyongyang, waqt li jippersisti xorta bil-pressjoni u s-sanzjonijiet fuq il-Korea ta’ Fuq.
Filwaqt li hemm kuntrast bejn din il-politika u l-politika ta’ Park (li kienet qatgħet ir-rabtiet kważi kollha ma’ Pyongyang), Moon Jae-in hu magħruf anki bħala kritiku tal-amministrazzjonijiet konservattivi preċedenti f’Seoul talli fallew milli jwaqqfu l-programmi tal-Korea ta’ Fuq għall-iżvilupp tal-armi.
//= $special ?>

