Elezzjoni 2017 Lokali

KONFUŻJONI: Issa jgħidu li għadu ma nstabx sit għat-trakka tal-karozzi u l-muturi

... Tlett ijiem wara li l-Gvern ħabbar li t-trakka se ssir f'Ta' Qali

Tlett ijiem wara li l-Gvern ħabbar li t-trakka tal-karozzi u l-muturi se ssir f’Ta’ Qali, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-artijiet Deborah Schembri llum ikkonfermat li għadu ma nstabx sit għal din it-trakka, f’konferma tal-konfużjoni fil-Partit Laburista fil-ġirja tiegħu li jwiegħed kollox lil kulħadd f’tentattiv li jikseb il-voti.

It-trakka tal-karozzi u l-muturi kienet ġiet imwiegħdha mill-Partit Laburista qabel l-elezzjoni li għaddiet, u kellha tkun lesta f’din il-leġislatura.

“Qed issir is-site selection exercise” qalet Deborah Schembri waqt konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista. “Għadu ma ġietx identifikat is-sit”, żiedet tgħid waqt li insistiet li għalissa, il-Gvern mhux se jagħti dettalji sakemm jistenna l-istudji.

“Ħa nistennew l-istudji li jkunu saru u s-site selection, imbgħad inkunu nistgħu naraw eżattament fejn se tiġi u nikkummentaw” qalet Deborah Schembri.

Ftit jiem wara li tħabbret l-elezzjoni bikrija minn Joseph Muscat, bdew il-wegħdi tal-Partit Laburista, u fost oħrajn il-Gvern qal li din it-trakka se ssir f’Ta’ Qali. Madanakollu m’għaddietx ġurnata qabel ħarġet l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi tgħid li l-proġett ma setax isir f’Ta’ Qali peress li l-art immarkata diġa kienet pjanata għal proġett ieħor.

Ara x’kien qal Joseph Muscat dwar it-trakka qabel l-aħħar elezzjoni

FILMAT: Ara l-wegħda ta’ Joseph Muscat dwar iċ-ċirkwit; “bqajna b’xejn”