Rapport ieħor fil-media internazzjonali li jħammar wiċċ Malta hekk kif il-gazzetta prominenti Ingliża ‘The Guardian’ qed tirrapporta li fi Brussell qed tikber il-pressjoni mill-MEPs fuq il-Prim Ministru Malti Joseph Muscat minħabba l-iskandlu Egrant.
The Guardian tirrapporta li Malta ħadet f’idejha l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea f’Jannar li għadda, iżda l-aħħar xhur kienu dominati minn stejjer ta’ korruzzjoni, ħasil ta’ flus u tixħim. L-artiklu jkompli jinnota kif is-sitwazzjoni f’Malta qed issir imbarazzanti għal Brussell.
“Dawn l-iżviluppi qed jheddu l-kredibbiltà tal-Unjoni Ewropea” qal Molly Scott Cato, MEP mill-partit tal-ħodor f’kummenti li ta lil The Guardian, bl-istess artiklu jfakkar li Muscat irrifjuta li jmur jidher quddiem il-kumitat Pana fi ħdan il-Parlament Ewropew fit-18 ta’ Mejju.
L-iskandlu Egrant beda s-sena li għaddiet bil-Panama Papers, iżda sploda ftit ġimgħat ilu meta sar magħruf li t-tielet kumpanija sigrieta, ‘Egrant’, hija tal-mara tal-Prim Ministru. Dan wassal biex il-Prim Ministru qed ikun investigat kriminalment b’inkjesta Maġisterjali.
L-artiklu ta’ Guardian jispjega d-dettalji kollha tal-iskandlu ‘Egrant’, fosthom kif Muscat baqa’ jiddefendi lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi minkejja li nqabdu b’żewġ kumpaniji sigrieti fil-Panama; kif għaddew somom kbar ta’ flus fil-kumpanija ‘Egrant’ mingħand il-familja dittatorjali tal-Ażerbajġan; kif whistleblower li kienet taħdem f’Pilatus Bank kixfet kollox; u kif Muscat qed jibqa’ jiddefendi lilu nnifsu billi jgħid li dan m’hu xejn għajr attakk politikament motivat.
//= $special ?>