Il-Partit Nazzjonalista irid ikompli jinvesti fin-nies billi lest joffri dinjita fix-xoghol. Dawn huma uħud mill-proposti li rridu nwettqu:
1. Inħaddmu l-prinċipju ta’ l-istess paga għall-istess xogħol (equal work for equal pay)
Se nwettqu l-prinċipju ta’ l-istess paga għall-istess xogħol sabiex nagħmlu ġustizzja mal-ħaddiema kollha li sa llum għadhom f’sitwazzjoni fejn jagħmlu l-istess xogħol bħal ħaddieħor iżda jitħallsu paga anqas. Fost dawn hemm ħaddiema li jaħdmu bħala helpers, bħala carers u bħala security. Il-Gvern se jmexxi bl-eżempju u jara li dan il-prinċipju jgħodd l-ewwel fis-settur pubbliku u fil-kuntratti kollha li jidħol għalihom mal-privat.
2. Inwaqqfu l-Prekarjat tal-GWU
Se nwaqqfu l-prekarjat li qed iseħħ fl-iskema tal-GWU fejn il-GWU inqabdet li qed tagħmel profitt minn fuq dahar 600 ħaddiem li tneħħew minn fuq ir-reġistru tal-qgħad u qed jitħallsu paga minima filwaqt li l-GWU qed tagħmel profitt minn fuq dahar kull wieħed minnhom għal total ta’ aktar minn miljun u nofs ewro profitt fis-sena. Għalhekk il-GWU se titwaqqaf minn din l-iskema u minflok l-iskema tibda titħaddem mill-Jobsplus filwaqt li l-profitt li qegħda tagħmel il-GWU minn fuq dahar il-ħaddiema se jitħallas direttament lill-ħaddiema. Skont l-istima tagħna dan se jsarraf b’żieda fil-paga tal-ħaddiema ta’ aktar minn €200 fix-xahar. B’hekk issir ġustizzja mal-ħaddiema li qegħdin jiġu sfruttati.
3. Skema ‘Return to Work’
Se nwaqqfu skema apposta ta’ għajnunu multi-dixxiplinarja sabiex ngħinu ħaddiema li jkunu telqu mix-xogħol għal xi żmien minħabba kundizzjoni ta’ mard. Hawn ħaddiema li jkollhom jieqfu mix-xogħol għal perjodu twil għaliex jimirdu b’canċer, jew b’mard kroniku ieħor, bħal multiple sclerosis, diabete qawwija, mard tal-qalb jew mard mentali. Irridu li dawn il-haddiema jiffukaw fuq il-kura tagħhom b’moħħhom mistrieħ li fil-mument li jkunu jixtiequ jerġgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol se jsibu s-sapport kollu meħtieġ biex jagħmlu dan permezz ta’ sapport professjonali apposta, inkluż re-training u għajnuna psikoloġika. L-iskema tinkludi wkoll għajnuna lill-ħaddiema permezz ta’ kreditu ta’ bolli u lill-employer sabiex iżomm lill-ħaddiem fuq il-kotba tiegħu u ma jitlifx l-esperjenza tiegħu.
4. Summer school għal tfal b’diżabilita’
Sabiex ngħinu lill-ġenituri ta’ tfal b’diżabilita, se nipprovdu sapport ta’ LSAs sabiex it-tfal ikunu jistgħu jattendu Summer Schools u programmi oħra matul ix-xhur tas-Sajf meta ma jkollhomx skola. B’hekk, il-ġenituri jkunu jistgħu jkomplu bix-xogħol tagħhom anki waqt iż-żmien meta l-iskola tkun magħluqa, b’moħħhom mistrieħ li xi ħadd imħarreġ apposta qed jieħu ħsieb lit-tfal f’ambjent sigur.
5. Ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel
Sabiex insaħħa aktar l-ugwaljanza bejn nisa u rġiel, se nagħmlu Pjan Nazzjonali ta’ Azzjoni ġdid dwar l-Ugwaljanza bejn is-sessi li jara wkoll li tiġi indirizzata id-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel (gender pay gap). Biex immexxu bl-eżempju, qed nintrabtu li l-Gvern iżid sostanzjalment il-possibilita ta’ teleworking għall-ħaddiema tiegħu u fil-ħatriet li jagħmel jara li mill-anqas nofs il-membri tal-bordijiet pubbliċi kollha jkunu komposti minn membri nisa. Il-Gvern se jħeġġeġ lis-settur privat jagħmel l-istess kemm fil-possibilita’ ta’ teleworking kif ukoll fil-ħatriet fil-bordijiet.