Muscat għandu jerfa’ r-responsabbiltà u jidher quddiem il-Kumitat PANA – PN
Il-Kumitat PANA li qed jinvestiga l-iskandlu tal-Panama Papers qed jitlob lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex jitla’ jixhed quddiem dan il-Kumitat fis-17 jew fit-18 ta’ Mejju.
Fl-ittra li ntbagħtet lill-Prim Ministru Joseph Muscat, Dr Werner Langen, il-President tal-Kumitat PANA fakkar li fid-29 ta’ Marzu saret talba liċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri biex jitla’ jixhed quddiem dan il-kumitat fis-seduta tas-17 jew it-18 ta’Mejju.
Madankollu, tkompli tgħid l-ittra, fid-dawl tal-aħħar żviluppi bl-allegat involviment tal-mara ta’ Joseph Muscat u tranżazzjonijiet suspettużi marbuta mal-Panama Papers, il-Membri tal-Kumitat qablu li, minbarra Keith Schembri, għandu jittella’ jixhed ukoll quddiem dan il-Kumitat il-Prim Ministru Joseph Muscat.
Il-Kumitat PANA itemm jgħid li huwa jittama li Malta u l-kumitat għandhom għan komuni – dak li jsaħħu l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa – u jfakkar li matul iż-żjara tal-Kumitat f’Malta il-Ministru tal-Finanzi qal li Malta hija impenjata li tagħmel passi ‘l quddiem f’dan il-qasam.
Il-Kumitat qed jistenna li l-Prim Ministru jibgħat ir-risposta tiegħu sal-Ħamis 11 ta’ Mejju.
Iktar kmieni matul din il-ġimgħa il-Prim Ministru Joseph Muscat iddikkjara li hu lest jixhed biss quddiem il-Kumitat wara li tkun lesta l-inkjesta maġisterjali dwar il-kumpanija Egrant.
Ix-xahar li għadda Werner Langer kiteb lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex iħeġġu juża l-awtorita’ tiegħu biex iċ-Chief of Staff tiegħu jitla’ jixhed fi Strasburgu fit-18 ta’ Mejju.
Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat għandu, b’mod immedjat, iwieġeb għall-ittra taċ-Chairman tal-Kumitat PANA Werner Langen, u jinfurmah li se jkun qed jattendi għas-sessjoni ta’ dan il-Kumitat.
Joseph Muscat hu magħruf għal kemm-il darba jaħrab mill-emergency exit, iżda din id-darba, jekk jerġa’ jaħrab milli jidher u jwieġeb ta’ għemilu, jkun qed jagħti daqqa ta’ ħarta ohra lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.
L-allegazzjonijiet fil-konfront tal-Prim Ministru huma serji wisq biex jiġu injorati. Dak ta’ Muscat kien l-aktar Gvern korrot fl-istorja ta’ pajjiżna. Għalhekk, l-għażla fl-elezzjoni ġenerali li jmiss, sostna l-Partit Nazzjonalista, se tkun bejn Muscat u Malta, u l-Partit Nazzjonalista kunfidenti li l-poplu Malti u Għawdxi se jkun qed jagħzel Malta.
//= $special ?>FILMAT: Muscat ma jaċċettax li jidher quddiem il-Kumitat PANA dwar l-iskandlu Egrant