Elezzjoni 2017 Lokali

Simon Busuttil biss jista’ jnaddaf isem Malta – Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fiż-Żejtun

Quddiem l-aħbar li l-Kumitat tal-Unjoni Ewropea li qed jinvestiga l-Panama Papers kiteb lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex jidher quddiem il-Kumitat dwar ir-rapporti tal-korruzzjoni f’Malta, kif ukoll dwar ir-rapporti li mart il-Prim Ministru hi marbuta ma’ kont fil-Panama, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil saħaq li Malta għandha bżonn Prim Ministru li jnaddaf isem Malta.

Meta tkellem ilbieraħ fiż-Żejtun fl-attività‘Taħt it-Tinda’, li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jorganizza kuljum matul il-ġimgħa tul din il-kampanja elettorali,  Simon Busuttil qal li fin-nofs ta’ din it-talba li qed issir lill-Prim Ministru Muscat, hemm isem Malta.

Jekk irid jarmi ismu ma għandux jarmi isem Malta wkoll. Għalhekk il-poplu jistenna li l-Prim Ministru jidher quddiem il-Kumitat. Jekk Joseph Muscat jirrifjuta, il-poplu għandu jagħżel Prim Ministru li lest imur quddiem il-Parlament biex inaddaf isem Malta.

Il-Kap Nazzjonalista rrefera għall-għażla tal-Maġistrat li se tkun qed tagħmel investigazzjoni dwar iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri. Tant hawn korruzzjoni li kellu jkun hemm żewġ Maġistrati biex jinvestigaw dak li qed iseħħ.

Dwar it-tqassim tal-voti anke jekk il-PN qal li ma jaqbilx mal-kwalità tad-dokumenti tal-vot, Simon Busuttil appella biex kulħadd jaċċetta d-dokument tal-vot u jieħu ħsiebu, għaliex dak hu kruċjali biex il-poplu jagħżel il-futur tal-pajjiż. Il-PN se jibqa’ għajnejh miftuħa tul il-proċess elettorali kollu.

Fisser ukoll li se jkun hemm l-attenzjoni kollha meħtieġa. Jonqos biss li l-popli jwieġeb għas-sejħa tal-pajjiż biex mal-Partit Nazzjonalista u mal-Partit Demokratiku jingħaqad fil-Forza Nazzjonali biex bejn Joseph Muscat u Malta l-poplu jgħajjat “Jiena nagħżel Malta”.

Dwar il-kampanja li qiegħed jagħmel il-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali tat-3 ta’ Ġunju, Simon Busuttil qal li jinsab sodisfatt li l-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista qed jasal u minkejja d-diffikultajiet kbar li hemm, il-poplu qed jifhem it-tifsira tal-elezzjoni li qed issir sena qabel iż-żmien tagħha.

Din l-elezzjoni hi kwistjoni dwar il-futur tal-poplu u tal-pajjiż. Tmur ’il hinn mir-rabta tal-individwu mal-partit li jsegwi. Aktar mill-proposti li qed isiru, il-kwistjoni f’din il-elezzjoni hi waħda ta’ prinċipji bl-aktar importanti tkun l-onestà. Il-poplu jistenna li min ikun Kastilja jkun onest. Min mhux onest għandu jwarrab.

Anke bl-importanza jkunu l-prinċipji, il-Partit Nazzjonalista xorta qed jagħmel proposti konkreti. Il-proposti li qed isiru huma proposti li jagħtu tweġibiet għal dak li n-nies għandhom bżonn. Hekk hi l-proposta ta’ childcare għal kulħadd. Hu ta’ dispjaċir li proposta bħal din sabet l-oġġezzjoni tal-Partit Laburista. Hu staqsa għaliex Evarist Bartolo qal li dan is-servizz ma jridux.

Simon Busuttil qal li l-flus, Gvern Nazzjonalista ma jagħtihomx lil canvasser biex imur iqassamhom imbagħad imur jibni blokk appartamenti fir-Rabat, imma jagħtihom lil min għandu bżonn. Hekk se jkunu l-proposti ta’ żieda fiċ-childrens allowance u l-leave tal-paternità kif ukoll is-sick leave f’każi li jimirdu t-tfal.

Jaqbel ukoll li jkun hemm żieda fit-teleworking kif ukoll servizz ta’ trasport għat-tfal tal-iskejjel kollha. Dwar din il-proposta, li l-Partit Nazzjonalista ilu jagħmilha tliet snin, issa hemm anke l-qbil ta’ Joseph Muscat.

Il- Partit Nazzjonalista kkonvinċa lill-Prim Ministru dwar dan, imma għad ma rnexxilux jikkonvinċih biex jiġġieled il-korruzzjoni. Proposta oħra li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista hi li l-ħaddiema jitħallsu l-istess paga ladarba jkunu qed jagħmlu l-istess xogħol. Hemm ħafna ħaddiema li jitħallsu inqas minn ħaddiema oħra anke jekk jagħmlu l-istess xogħol.

Simon Busuttil semma l-miżura tal-Gvern li qabad 600 ħaddiem li kienu jirreġistraw, rabathom mal-GWU, tahom il-paga minima u jagħti commission lill-GWU.  Lil dawn neħħiehom mir-reġistru ta’ dawk li jfittxu x-xogħol biex il-GWU tagħmel profitt ta’ aktar minn €200 fix-xahar minn fuqhom. Din l-iskema titneħħa, jitpoġġew taħt il-Jobs+ u l-profitt li llum qed tagħmel il-GWU jingħata lill-ħaddiema fl-iskema. Dan ifisser li vot ta’ dawn il-ħaddiema lill-Forza Nazzjonali jkun ifisser li ż-żieda jgawduha huma mhux il-GWU.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li ġenituri bi tfal b’diżabbiltà jsibu diffikultà matul is-sajf. Għal din il-problema Gvern Nazzjonalista jaħseb biex ikun hemm LSAs li jistgħu jieħdu ħsieb b’mod professjonali dawn it-tfal bi bżonnijiet speċjali.

Skema oħra hi għal dawk il-ħaddiema li minħabba mard serju jsibu diffikultajiet fil-postijiet tax-xogol bir-riskju li jitilfu l-għajxien tagħhom. Gvern Nazzjonalista jipprovdi l-għajnuna kollha meħtieġa biex jegħleb id-diffikultajiet sakemm jerġa’ jirkupra saħħtu.

Simon Busuttil qal li wasal iż-żmien li tintlaħaq verament l-ugwaljanza bil-Gvern ikun ta’ eżempju. Hawn tidħol il-proposta tat-teleworking. Din l-ugwaljanza trid tkun riflessa wkoll fil-bordijiet tal-Gvern billi mill-inqas nofs il-membri jkunu nisa.

Simon Busuttil qal li l-politika tiegħu mhix immirata lejn partitarji ta’ naħa jew oħra, iżda politika mmirata lejn il-Maltin u l-Għawdxin kollha bħala familja waħda. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hu jħoss li għandu kuxjenza soċjali aktar minn Joseph Muscat għaliex ma jfittix l-interess tal-klikka ta’ Kastilja imma l-interess tal-poplu kollu.