L-awtoritajiet f’Pariġi reġgħu fetħu l-istazzjon tal-ferrovija ta’ Gare du Nord wara allert dwar is-sigurtà fil-kapitali. Intant, l-uffiċjali u l-pulizija fl-inħawi qalu li s-sitwazzjoni rritornat ‘pjuttost għan-normal’ fl-istazzjon, li hu hub importanti għas-servizzi nazzjonali u mis-sobborgi, kif ukoll għall-ferroviji tal-Eurostar minn Londra.
L-inħawi tal-istazzjon, fil-lejl tat-Tnejn , kienu evakwati min-nies, bil-pulizija armata tagħlaq l-aċċessi għaz-zona anki waqt li l-awtoritajiet kienu qed ifittxu għal tliet irġiel li l-awtoritajiet ta’ pajjiż ieħor fissirhom bħala ‘perikolużi għas-sigurtà’.
Intant, u meta Franza qed tħejji għall-era politika ġdida tal-President Emmanuel Macron, ma ngħatawx wisq dettalji rigward l-aħħar azzjonijiet tal-pulizija u l-qawwiet tas-sigurtà fil-kapitali.
Franza ilha taħt stat ta’ emerġenza minn Novembru tal-2015, meta t-terroristi tal-ISIS wettqu sensiela ta’ attakki qattiela fil-qalba tal-kapitali. Is-sigurtà kienet anki massiva waqt l-elezzjoni ta’ nhar il-Ħadd għall-Presidenza Franċiża, bl-aħħar rapporti jgħidu li l-pulizija fiz-zona ta’ Garde du Nord ‘ikkonċentraw fuq ferrovija li kienet ġejja minn Valenciennes’, lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Franza.
It-tliet suspettati mfittxija mill-pulizija kienu ntlemħu fl-ibliet ta’ Bordeaux u Marsilja kif ukoll f’Pariġi u għadhom ma nqabdux. Sadanittant, il-Pulizija, ċċirkolat messaġġ fuq il-media soċjali biex tavża lill-pubbliku li l-emerġenza fil-kapitali ‘spiċċat’ minkejja li xorta qegħdin jittieħdu proċeduri tas-sigurtà xierqa. Ingħad ukoll li , issa, ‘tneħħew id-dubji kollha’, anki jekk ma sarux l-arresti.
//= $special ?>