Iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, ma jridx jippubblika dokumenti biex juri lil kulħadd li qed jgħid il-verità, skont artiklu ppubblikat illum mill-gazzetta Times of Malta.
Keith Schembri qed jinsisti li hu rċieva €100,000 fil-kont bankarju tiegħu f’Pilatus Bank bħala pagament għal ‘loan’ li kien sellef lil Brian Tonna ta’ Nexia BT meta dan kien għaddej bil-proċess ta’ separazzjoni fl-2012. Madanakollu, skont The Times, la Keith Schembri u lanqas Brian Tonna ma jridu jippubblikaw dokumenti li juru li fl-2012 għaddew dawn il-€100,000 mingħand Keith Schembri għal għand Brian Tonna.
The Times talbet li tingħata records tat-transazzjonijiet tal-bank mill-2012 li juru li Keith Schembri verament kien ta €100,000 f’loan lil Brian Tonna, iżda kemm Schembri kif ukoll Tonna rrifjutaw li jagħmlu dan minħabba li bħalissa għaddejja inkjesta kriminali dwar dan.
Il-ġimgħa li għaddiet, il-Maġistrat li qed jinvestiga kriminalment lill-Prim Ministru Joseph Muscat fuq l-iskandlu ‘Egrant’, sab biżżejjed provi biex Schembri jibda jiġi investigat kriminalment minn Maġistrat ieħor dwar tixħim ta’ €100,000 li rċieva. Skont l-informazzjoni żvelata, Keith Schembri irċieva din is-somma flus ġo kont bankarju li għandu f’ismu personalment fil-bank Pilatus, mingħand kont sigriet ta’ kumpanija sigrieta ta’ Brian Tonna fil-British Virgin Islands.
//= $special ?>