#muscatgate Lokali

ARA HAWN: Kif Muscat u Schembri jdaħħlu l-flus mill-bejgħ tal-passaport – Caruana Galizia

Għall-ewwel darba, il-Prim Ministru Joseph Muscat implikat direttament fi storja ta' tixħim mill-bejgħ tal-passaporti

Għall-ewwel darba saru allegazzjonijiet serji ħafna li l-Prim Ministru Joseph Muscat irċieva tixħim mill-bejgħ tal-passaporti.

L-allegazzjoni saret mill-ġurnalist tal-Konsorzju Internazzjonali tal-Ġurnalisti Investigattivi (ICIJ) Matthew Caruana Galizia, meta fil-ħin li għadda ppubblika sensiela ta’ dokumenti ġodda bħala provi.

Din l-akkuża diġa teżisti fil-konfront taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, tant li qed issir investigazzjoni kriminali minn Maġistrat dwar il-mod kif irċieva €100,000 f’tixħim mingħand kumpanija sigrieta ta’ Brian Tonna fil-British Virgin Islands. Madanakollu, din hija l-ewwel darba li l-Prim Ministru Joseph Muscat qed jissemma’ bħala wieħed mill-persuni li rċieva tixħim hu stess direttament mill-bejgħ tal-passaporti.

F’post fuq Facebook, l-aħħar waħda minn sensiela li ppubblika fis-siegħat li għaddew, Caruana Galizia qal li kemm Joseph Muscat kif ukoll Keith Schembri kienu qed idaħħlu flus minn passaporti li Brian Tonna kien qed ibiegħ lill-barranin.

Skont dak allegat minn Matthew Caruana Galizia, il-commissions kienu qed jgħaddu mingħand BT International għal ġol-kumpanija sigrieta ‘Willerby Trade’ (kumpanija sigrieta ta’ Brian Tonna fil-British Virgin Islands). Minn hawnekk, il-flus kienu jgħaddu fil-kontijiet bankarji f’isem il-Prim Ministru u f’isem Keith Schembri wara li l-kumpaniji sigrieti tagħhom joħorġu invoices indirizzati lil Willerby Trade.

Fost id-dokumenti ppubblikati mill-ġurnalist Matthew Caruana Galizia hemm kopji ta’ passaporti li ntużaw fil-proċessi kollha; kif ukoll il-ftehim bejn BT International u Willerby Trade, liema ftehim wassal biex flus mill-bejgħ tal-passaporti bdew imorru fil-kont bankarju ta’ Willerby Trade f’Pilatus Bank.

https://www.facebook.com/matthewcaruanagalizia/posts/10158614383220035