Elezzjoni 2017 Lokali

Attività tal-Partit Nazzjonalista fiż-Żurrieq – Jitkellmu l-kandidati

Il-kap tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia skużat ruħha mal-kostitwenti tagħha li kkonvinċiethom jivvutaw għal Joseph Muscat għaliex ma kinitx taf kif dan u l-klikka ta’ madwaru ħatfu lill-Partit Laburista.

Fuq kollox skużat ruħha li l-Gvern li għenet biex jitla’ fil-poter ittradixxa liż-Żrieraq, liċ-ċittadini tal-ħames distrett u lil pajjiżna.

Qalet li l-lealtà tagħha hi lejn Malta, lejn iż-Żurrieq pajjiżha u lejn il-ħames distrett li tant tħobb. Kien għalhekk li fil-Parlament, dak iż-żmien mal-Partit Laburista, dejjem ikkritikat fejn pajjiżna kien qed jiġi mkasbar mill-klikka ta’ Joseph Muscat.

Semmiet il-bejgħ tal-korporazzjonijiet, bil-kuntratti jinħbew taħt linka sewda – xi ħaġa li fissret bħala tradiment minn Joseph Muscat u l-gang tal-Panama.

Fl-attività tal-Partit Nazzjonalista fiż-Żurrieq, tkellmu numru ta’ kandidati oħra tal-Forza Nazzjonali – kemm dawk tal-Partit Nazzjonalista u dawk tal-Partit Demokratiku, ilkoll b’messaġġ wieħed, kontra l-korruzzjoni u favur pajjiżna.

Toni Bezzina fid-diskors tiegħu elenka s-sensiela ta’ gidbiet ta’ Joseph Muscat, li ttradixxa lill-ħames distrett u nesa’ lill-istess nies li kienu eleġġewh bil-vot tagħhom.

Shirley Cauchi, tkellmet dwar l-importanza tal-valuri tal-onestà, integrità u mħabba li matul dawn l-aħħar erba’ snin ta’ Gvern Laburista ġew traduti u mkasbra mingħajr mistħija.

Min-naħa tiegħu Noel Galea qal li l-poplu għandu jivvota għal Malta fit-tlieta ta’ Ġunju, biex pajjiżna mill-ġdid jiggarantixxi ġustizzja, fejn tirrenja l-onestà u d-drittijiet taċ-ċittadini jkunu rispettati.

Mario Rizzo Naudi spjega dwar kif ħafna qed jirċievu kontijiet id-dar għas-servizz taċ-childcare, kontijiet li f’xi każi jlaħħqu l-eluf u li qed jogħtru lill-familji. Fisser din bħala wegħda oħra li kiser Joseph Muscat.

Waqt li sellem lill-familji bieżla, lill-istudenti li jqattgħu snin jistudjaw, Herman Schiavone semma’ sensiela ta’ eżempji fejn tal-qalba qabżu lil dawn il-persuni onesti. Irrefera għal dan bħala tradiment ta’ Gvern Laburista.

Mary Grace Vella fakkret kif Gvern Laburista ġie mifni mill-korruzzjoni u appellat liż-żgħażagħ biex fit-3 ta’ Ġunju jagħmlu għażla tajba, għazla lill-Partit Nazzjonalista li dejjem fetħilhom il-bibien minflok dawk għall-klikka ta’ madwaru.

Filwaqt li fakkar kif wara Joseph Muscat għandu l-ġurnalisti Ewropej jiġru warajh, Norman Vella appella lill-votanti li jkunu huma li lil Joseph Muscat jagħmlulu l-mistoqsijiet li qed jaħrab milli jwieġeb wara l-aġir tiegħu u ta’ madwaru fl-aħħar snin.

Tkellem ukoll Stanley Zammit li nnota li Joseph Muscat qed jinsisti li jibqa’ fil-poter biex ikomplu jgawdu hu u ta’ madwaru. Fid-dawl ta’ dan staqsa jekk il-poplu jridx soluzzjoni għal pajjiżna, permezz tal-onestà tal-Partit Nazzjonalista, jew jagħżel li jibqa’ bi problema.