Futbol Sport

Champions League – Finali bejn Real Madrid u Juventus

Real Madrid xorta għaddew għall-finali minkejja telfa fil-Vicente Calderon

Minkejja li kienu megħluba 2-1 barra minn darhom kontra Atletico Madrid, Real Madrid għaddew għall-finali taċ-Champions League. Huma eliminaw lill-avversarji tagħhom b’aggregate ta’ 4-2 grazzi għall-fatt li kienu rebħu l-ewwel leg fil-Bernabeu 3-0.

Madankollu wieħed irid jgħid li Atletico taw dak kollu li setgħu biex jippruvaw jaslu sal-finali imma l-klassi tal-plejers ta’ Real Madrid għamlu d-differenza.

Atletico mal-ewwel ħarġu jfittxu l-gowl u wara ħames minuti Navas għamel save tajjeb fuq Koke u mill-corner Torres ra d-daqqa ta‘ ras tiegħu tmur ftit barra. Minuta wara kien hemm risposta ta’ Real u din id-darba kien il-gowlkiper ta’ Atletico Oblak li salva xutt ta’ Casemiro.

Fit-12-il minuta Atletico marru fil-vantaġġ b’gowl ta’ Saul NIGUEZ li għeleb lil Navas b’daqqa ta’ ras.
It-tim ta’ Simeone kompla jattakka u tliet minuti wara ngħata penalty meta Torres twaqqa’ fil-kaxxa minn Varane u mill-11-il metru GRIEZMANN ra x-xutt tiegħu minn Navas imma ma kienx biżżejjed biex ma jżommx il-ballun milli jidħol fix-xibka għal skor ta’ 2-0.

Hekk kif kienet se tintemm l-ewwel taqsima Real skurjaw gowl kruċjali li bih qatlu t-tamiet ta’ Atletico. Benzema beda azzjoni mill-ġenb u bi bravura kbira evita tliet difensuri qabel għadda ballun lejn Kroos li ra x-xutt tiegħu jkun salvat minn Oblak imma mir-rebound ISCO ma żbaljax.

Minkejja li fit-tieni taqsima Atletico xorta waħda baqgħu jagħmlu minn kollox biex jiskurjaw it-tliet gowls li kellhom bżonn dawn naqqsu milli jagħmlu dan.

Il-konfront tal-bieraħ kien l-aħħar wieħed għal Atletico Madrid fil-Vicente Calderon fl-Ewropa hekk kif dawn se jilagħbu fi grawnd ġdid fl-istaġun li ġej.

Dan ifisser li se jkunu Real Madrid u Juventus li jikkontestaw il-finali tat-3 ta’ Ġunju fil-belt ta’ Cardiff f’Wales. Dawn it-tnejn ltaqgħu kontra xulxin fil-finali tal-1998 meta dakinhar kienu Real li ħarġu rebbieħa bi skor ta’ 1-0 b’gowl ta’ Mijatovic. Real Madrid tilfu tliet darbiet il-finali filwaqt li Juventus tilfuha sitt darbiet.