• “Nafu d-diffikultajiet tan-nies u qed noffru s-soluzzjonijiet”
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil illum vara għaxar proposti elettorali oħra. Din id-darba fil-qasam tal-Housing. Simon Busuttil qal li bħalma ix-xogħol jagħti d-dinjita’ lill-bniedem, daqstant ieħor jingħata d-dinjita meta jkollu saqaf fuq rasu.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Furjana, il-Kap tal-PN qal li f’dawn l-aħħar erba’ snin, Joseph Muscat ma bena lanqas appartament wieħed għall-housing soċjali, tant li l-lista ta’ persuni li għandhom bżonn housing soċjali telgħet għal 3,500. Kien hemm ukoll żieda qawwija fin-nies li spiċċaw mingħajr dar jew f’riskju li jispiċċaw mingħajr dar. Barraminhekk, iż-żidiet fil-kera wasslet biex familji li qabel kienu jitqiesu bħala middle class, bilkemm qed ilaħħqu mal-ispejjeż minħabba li parti sostanzjali mid-dħul tagħhom qed tmur biex titħallas il-kera.
Għal dan il-għan, Simon Busuttil ippreżenta għaxar proposti biex ikunu indirizzati l-problemi f’dan il-qasam.
1. Spinta ġdida lis-settur tal-Housing bit-tnedija ta’ programm ta’ bini ta’ djar u appartamenti għall-Housing Soċjali. Dan se jsir bi sħubija mas-settur privat
2. Gvern ġdid Nazzjonalista ireġġa’ lura ż-żieda fil-kera fuq il-housing soċjali li daħħal Joseph Muscat. Simon Busuttil intrabat li iħallas lura l-ammonti żejda li tħallsu f’dawn l-aħħar erba’ snin. “Aħna ma nemmnux li għandek tintaxxa l-faqar,” sostna l-Kap tal-PN.
3. Terġa tibda titħaddem l-iskema tal-Awtorita’ tad-Djar li tikri mingħand sidien privati biex toffri akkomodazzjoni soċjali b’kera issussidjata.
4. Żieda fis-sussidju lil min jikri waħda mingħand is-settur privat. Gvern ġdid Nazzjonalista jirrevedi l-iskema tas-sussidji.
5. Gvern ġdid Nazzjonalista jieħu ħsieb l-anzjani li qegħdin f’riskju li jispiċċaw mingħajr saqaf fuq rashom
6. Introduzzjoni ta’ sussidju jew kreditu tat-taxxa fuq l-interessi fuq self tad-djar.
7. Gvern ġdid Nazzjonalista ineħħi għal kollox it-taxxa fuq id-dħul minn kera min jikri lil inkwilini li jkollhom bżonn Housing soċjali. Simon Busuttil qal li bħalissa it-taxxa hi ta’ 5% u l-PN qed jipproponi li din titneħħa. L-uniku kundizzjoni hi li l-kirja tkun fissa għal minimu ta’ 10 snin.
8. Il-Qliegħ mill-Awtorita’ għall-Artijiet jintuża sabiex jitħallsu lura sidien li ttieħditilhom l-art fil-passat u għadhom qed jistennew kumpens.
9. Gvern ġdid Nazzjonalista iżomm l-inċentiva għall-first time buyers b’eżenzjoni mit-taxxa sa massimu ta’ €150,000 u se jestendiha għal koppji li jkunu għadhom kemm isseparaw jew iddivorzjaw.
10. Simon Busuttil qal ukoll li Gvern ġdid Nazzjonalista iżid l-għajnuna tal-Gvern lil Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi li jaħdmu ma’ persuni li m’għandhomx saqaf fuq rashom.
Għall-konferenza tal-aħbarijiet attendew ukoll il-kandidati tal-PN Simone Aquilina, Charles Bonello, Elaine Camilleri Schembri, Charlot Cassar, Graziella Galea, Alex Mangion, Aaron Micallef Piccione u Anne Marie Muscat Fenech Adami.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil dalgħodu kompla jħabbar aktar proposti, din id-darba bi proposti favur in-nies fi bżonn ta’ housing.
//= $special ?>