#muscatgate Elezzjoni 2017 Lokali

FILMAT: Jiftaħar li ma jiddejjaqx mill-UE fl-istess jum li jwebbes rasu biex ma jmurx jixhed

Fl-istess ġurnata li Muscat kompla jwebbes rasu u ma jmurx quddiem il-Parlament Ewropew minkejja ittra mibgħuta lilu personalment, Muscat ftaħar, quddiem folla Laburista fl-Imsida, li hu ma jiddejjaqx mill-Unjoni Ewropea.

“Aħna ma niddejqux mill-Unjoni Ewropea, mhux problema” ftaħar Muscat quddiem il-partitarji tiegħu.

Aktar kmieni, iċ-Chairperson tal-Kumitat PANA fil-Parlament Ewropew Werner Langen bagħat ittra lil Muscat biex jitolbu jitla’ jixhed quddiem il-Parlament, u biex miegħu itella’ lil Keith Schembri. Din l-istedina ilha li saret madwar ħamest ijiem, u kif mistenni, Muscat kien irrifjuta li jmur quddiem il-Kumitat PANA fit-18 ta’ Mejju li ġej biex iwieġeb mistoqsijiet dwar l-iskandlu tal-Panama u l-iskandlu ‘Egrant’.

Intant, quddiem il-folla Laburisti fl-Imsida, Joseph Muscat kompla saħħaħ l-attakk tiegħu fuq il-proposta tal-Partit Nazzjonalista li ċ-childcare ikun b’xejn għal kulħadd… bil-Prim Ministru jattakka din il-proposta evidentament għax ma jridx li jsir dan l-investiment fl-edukazzjoni u t-tfal.

Aktar minn nofs id-diskors ta’ Muscat kien immirat biss biex jattakka lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil u l-proposti tal-Partit Nazzjonalista.

Bħas-soltu, l-ebda kelma minn Muscat fuq kif iġġieled jew se jiġġieled il-korruzzjoni li tant ħakmet Kastilja.