Rugby Sport

Overseas jirbħu l-Mediterranean Bank Cup f’logħba spettakolari

Il-captain ta' Overseas jgħolli t-tazza fost il-ferħ tal-plejers tat-tim (Ritratt: Zara Ameen)

OVERSEAS………30

STOMPERS……..29

Overseas kisbu l-Mediterranean Bank Cup wara li għelbu lil Stompers 30-29 fl-aħħar minuti. Kienu Stompers li marru minn fuq, f’azzjoni tajba ta’ McLister li twaqqa’ wara ġirja ta’ 30 metru, bil-ballun jasal għad Richard Gum li skorja l-ewwel try tal-logħba biex għamel il-conversion ukoll u għamel l-iskor 7-0.

Daqqa ta’ ħarta għal Overseas li kellhom jagħmlu għaxar minuti b’raġel anqas wara li Sarres ingħata sin bin mir-referee Żvizzeru Yann Benoit. Dudman tefa’ l-ballun fil-kantuniera, u mil-lineout, Harvey skorja.

Overseas wettqu reazzjoni u permezz ta’ Sarres naqsu d-distakk wara azzjoni personali mill-aqwa biex ftit wara rnexxielhom idawru l-iskor u marru 10-7 minn fuq. Dudman skorja penalty biex għamel l-iskor 13-7.

Daħla goffa ta’ McLister wasslet biex hu wkoll ingħata sin bin, b’Gum jirnexxielu jieħu vantaġġ mis-superjorità numerika u jnaqqas id-distakk għal punt biss. Overseas żied fir-ritmu u attakkaw b’Dudman jirnexxielu jiskorja try u conversion biex daħħal lit-tim tiegħu 20-12 minn fuq fil-ħin tal-mistrieħ.

It-tieni fetħet tajjeb għal Stompers li kellhom diversi fażijiet fil-logħba, sakemm Cerketta, Gatt u Hili għamlu spazju għal Betts li skorja try biex reġgħu naqsu d-distakk, issa għal tliet punti.

Stompers irnexxielhom imorru fil-vantaġġ meta penalty mogħti malajr ippermetta lil Cerketta li jagħmel try minn ftit metri bogħod, biex poġġa lit-tim tiegħu 22-20 minn fuq. Id-distakk kompla jikber għal 29-20 meta minn lineout, kien McLister li qassam lil Pace Moore li skorja try, b’Gum jagħmel il-conversion.

Overseas reġgħu daħlu fil-logħba, meta wara kick ta’ 50 metru minn Dudman, il-ballun mar fil-kantuniera għal lineout, b’Harvey ikun pront u jiskorja t-tieni try mill-kantuniera. Overseas skorjaw il-gowl tar-rebħa lejn it-tmiem wara li Corcoran ġera tajjeb minn qalb l-avversarji.

Referee: Yann Benoit

Tags