#muscatgate Elezzjoni 2017 Lokali

Indur id-dinja kollha nnaddaf isem Malta – Simon Busuttil, Kap tal-Partit Nazzjonalista

Wara t-3 ta’ Ġunju li ġej, jien lest li ndur l-Ewropa u d-dinja kollha biex innaddaf isem Malta, u biex nuri li dak li qal il-Ministru Ġermaniż aktar kmieni llum – li Malta hi l-Panama tal-Ewropa – mhux minnu. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt li kien qed jindirizza attività taħt it-tinda fiż-Żurrieq, bit-tema ‘Jien Nagħżel Malta’.

Simon Busuttil qal li weġġa’ meta qara dak li qal il-Ministru Ġermaniż, għaliex din id-dikjarazzjoni tpoġġi isem pajjiżna fl-aħbarijiet internazzjonali għal raġunijiet il-ħżiena, għal reklam ħażin. “Din hi aħbar li ma kellniex bżonn, ma naqbilx ma’ din l-aħbar, u ma nieħux pjaċir,” qal Simon Busuttil. Hu sostna li kuntrarjament għal li qal il-Ministru Ġermaniż, aħna m’għandniex strutturi offshore li rrefera għalihom hu. Ma jixirqilnix li jitkellem fuqna b’dan il-mod – ma naqbilx mal-kliem li qal il-Ministru Ġermaniż, insista Simon Busuttil.

Hu kompla jgħid li Joseph Muscat, minħabba l-imġieba tiegħu, minħabba li għalaq għajnejh għall-korruzzjoni, minħabba li għażel lil Konrad Mizzi, u li għażel lil Keith Schembri, ġabna f’sitwazzjoni fejn poġġiena f’sitwazzjoni aktar dgħajfa biex niddefendu isimna barra minn Malta.

“La aħna u lanqas irridu nkunu l-Panama tal-Ewropa. Il-problema tagħna hi li għandna klikka korrotta f’Kastilja li għandhom kumpaniji personali fil-Panama,” qal Simon Busuttil. Hawnhekk, hu sostna li l-għażla tat-3 ta’ Ġunju hi bejn klikka korrotta u pajjiżna.

10 proposti ġodda fis-settur tal-housing

Simon Busuttil qal li l-proposti li qed jirreferi għalihom Muscat, mhux veru jemmen fihom, għaliex kieku veru jemmen fihom, ma kienx imur għall-elezzjoni, iżda jwettaqhom.

Hu qal li din il-ġimgħa, l-Partit Nazzjonalista għamel numru ta’ proposti li jolqtu lin-nies b’mod dirett. It-Tnejn ġew preżentati numru ta’ proposti għall-familja, fosthom childcare b’xejn għal kulħadd. Hu sostna li din il-proposta ntlaqgħet b’mod pożittiv, ħlief għal Joseph Muscat li ħareġ kontra tagħha. “Għaliex Muscat ma jridx li ċ-childcare jkun b’xejn għal kulħadd?” staqsa Simon Busuttil.

Hu qal li din il-proposta hi mmirata għal nisa li, per eżempju, jieħdu ħsieb il-ġenituri tagħhom, jew inkella nisa li għandhom mard fil-familja. “Ejjew nitrattaw lil kulħadd b’mod ugwali: childcare b’xejn għal kulħadd,” insista Simon Busuttil.

Jekk hemm qasam li Joseph Muscat ħaqqu l-medalja tal-falliment  fih huwa l-housing, tant li lanqas bena appartament tal-housing wieħed, qal Simon Busuttil, li spjega li mhux talli ma beniex appartament wieħed tal-housing, iżda talli Joseph Muscat, lil min kien diġà fil-qasam tal-housing soċjali, għollielhom il-kera.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Gvern ġdid Nazzjonalista jagħmel investiment f’oqsma ta’ housing soċjali biex jitratta head-on il-kwistjoni tal-housing, u jinvesti anke mal-privat permezz ta’ public-private-partnership permezz ta’ proġetti fil-qasam soċjali. Il-kera li għolla Muscat nerġgħu nġibuha lura kif kienet, u d-differenza nagħtuha lura, insista Simon Busuttil.

Simon Busuttil fakkar li fil-budget li għadda, Muscat kien inqabad f’paniku u qal li kien se jreġġa’ din iż-żieda lura, u issa beda jibgħat iċ-ċekk taż-żieda li ħa lura lin-nies. “Dan qed jiprova jixtri l-vot tan-nies bi flushom stess: oxxenn aktar minn hekk ma tistax tkun,” qal Simon Busuttil.

Simon Busuttil ħabbar li Gvern ġdid Nazzjonalista jissussidja kirjiet mingħand il-privat. Il-Partit Nazzjonalista jneħħi t-taxxa tad-dħul fuq l-income tax fuq il-kera lil min jikri l-proprjetà lil min għandu bżonn housing soċjali. Proposta oħra hi li koppji żgħażagħ li jmorru jisselfu biex jixtru appartament, se ngħinuhom permezz ta’ sussidju jew tnaqqis fit-taxxa biex nagħmlulhom ħajjithom aktar faċli.

Simon Busuttil irrefera wkoll għall-iskema li min hu first-time buyer, jiġi eżentat mit-taxxa tal-boll fuq l-ewwel €150,000. Dik hi xi ħaġa tajba li se nżommuha u nżiduha, mhux biss għaż-żgħażagħ iżda anke għal koppji li jew ikunu sseparaw jew iddivorzjaw. Lil dawn se nittrattwhom bħala first-time buyers u ntuhom l-istess eżenzjoni, qal Simon Busuttil.

Il-politiku qiegħed hemm għan-nies u mhux bil-kontra, qal Simon Busuttil. “Joseph Muscat uża n-nies għall-poter, għax użahom qabel l-elezzjoni, inkluż dawk tal-ħames distrett.”

Inbiddlu l-mod kif issir il-politika

Fi tmiem l-intervista, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrefera għal inizjattiva ġdida li turi kif se jinbidel il-mod ta’ kif issir il-politika. Din l-inizjattiva tnehdiet ftit tal-minuti wara fuq Facebook.