Il-kowċ Stefano Vecchi se jkun qed jieħu t-tmexxija ta’ Inter għall-aħħar tliet partiti, wara li tard it-Tlieta filgħaxija ħarġet l-aħbar li l-kowċ Stefano Pioli tneħħa mill-kariga. Pioli patta għall-aħħar riżultati negattivi tan-Neroazzuri, hekk kif minn tim jisfida għal post fiċ-Champions League, niżel fis-seba’ post, b’żewġ punti mill-aħħar seba’ logħbiet.
Pioli kien inħatar kowċ ta’ Inter fit-8 ta’ Novembru tas-sena li għaddiet u kien ħa post Frank de Boer li wkoll tneħħa wara esperjenza qasir mal-klabb Taljan. Għal Vecchi din se tkun it-tieni esperjenza qasira ma’ Inter, wara li kien mexxa lit-Taljani fit-telfa kontra Southampton fl-Europa League, u fir-rebħa kontra Crotone fil-kampjonat, fi żmien ta’ tranżizzjoni bejn it-tmexxija ta’ de Boer u Pioli. Inter jilagħbu l-Ħadd li ġej f’San Siro kontra Sassuolo.
//= $special ?>