Futbol Sport

CHAMPIONS LEAGUE – Simeone xorta kuntent bil-wirja

Minkejja li t-tim tiegħu kien eliminat miċ-Champions League l-kowċ ta’ Atletico Madrid Diego Simeone faħħar lill-plejers tiegħu għall-wirja qalbiena li kellhom kontra r-rivali Real Madrid.

Minkejja li kienu megħluba 2-1 barra minn darhom kontra Atletico Madrid, Real għaddew għall-finali b’aggregate ta’ 4-2 grazzi għall-fatt li kienu rebħu l-ewwel leg fil-Bernabeu 3-0.

Madankollu wieħed irid jgħid li Atletico taw dak kollu li setgħu biex jippruvaw jaslu sal-finali imma l-klassi tal-plejers ta’ Real Madrid għamlu d-differenza.

“Għamilna minn kollox bħal ma ilna nagħmlu f’dawn l-aħħar snin. Aktar kemm jgħaddu snin il-plejers tiegħi jkomplu jitjiebu u l-motivazzjoni tagħhom tkompli tiżdied. Illum lagħbna logħba mill-aqwa kontra l-holders u kburi b’dak li rajt,” qal Simeone.

“Wara t-telfa ta’ 3-0 li sofrejna ġimgħa ilu ħafna ħasbu li l-logħba kienet diġà mitmuma imma llum l-avversarji tagħna kellhom isofru biex għaddew.”