Tul l-attività tal-lum taħt it-tinda f’Ħal Qormi tkellmu 10 kandidati għall-Elezzjoni Ġenerali li ġejja.
Il-kandidata Amanda Abela saħqet li l-ghażla li għandna quddiema fit-3 ta’ Gunju hija bejn Joseph Muscat u l-korruzzjoni li qed tkisser ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna u l-Forza Nazzjonali li terġa tagħti lura d-dinjita lil pajjiżna.
Monique Agius f’isem il-Partit Demokratiku staqsiet min verament qed igawdi mill-ekonomija. Hija qalet li minkejja li niftaħru li hawn ħafna xogħol irridu nistaqsu x’qed jieħu l-iżgħar fost il-ħaddiema u xi kwalità ta’ ħajja għandhom il-ħaddiema tagħna.
Ryan Callus tkellem dwar il-proposta li ressaq il-Partit Nazzjonalista li jħallas lura lil min itteħditlu l-art fil-passat. Huwa qal li l-PN jemmen li dawn is-sidien tal-art għandhom jitħallsu u saħaq li jekk il-PN ikun fil-gvern dan mhux se jonfoq il-flus f’Gaffarena jew f’Café Premiere.
Il-kandidata Elaine Camilleri Schembri fakkret li pajjiżna sejjer għal elezzjoni bikrija għax Muscat daħħal lil pajjiżna fi kriżi. Saħqet li l-PN ma stenniex kampanja elettorali biex joħroġ bil-proposti tiegħu u temmet tgħid li l-politika trid terġa tkun politika għan-nies minn politiċi onesti li lesti jsarfu lin-nies.
Il-kandidat Kevin Cassar sostna li f’pajjiżna hawn massakru għad-demokrazija bhal ma pajjiżna esperjenza tletin sena ilu. Huwa qal li vot għall-Forza Nazzjonali jassigura li f’pajjiżna jerġgħu jissaħħu l-valur demokratiċi.
Il-kandidat Peter Micallef rrefera ghall-proposti li l-Partit Nazzjonalista qed iressaq partikolarment ghall-anzjani. Huwa qal li bhala tabib tal-familja jifhem l-isfidi tal-anzjani u saħaq li l-proposti mressqa mill-PN se jgħollu l-livell tal-għajxien tal-anzjani.
Alessia Psaila Zammit qalet li issa li wasal Jum l-Omm il-poplu Malti għandu jimita l-valuri tal-omm u jitkellem dwar il-prosperità minflok dwar il-korruzzjoni; dwar l-opportunitajiet indaqs minflok dwar in-nepotiżmu; dwar opportunitajiet għal ġenerazzjonijiet li telgħin minflok dwar il-qerda ambjentali.
George Muscat tkellem dwar l-esperjenza tiegħu fil-laqgħat mal-familji u qal li huwa impenjat li jkun ta’ servizz għal kulħadd. Huwa qal li l-vot tagħna fit-3 ta’ Ġunju l-għażla tagħna għandha tkun għall-Forza Nazzjonali biex f’pajjiżna s-sewwa jirbaħ żgur.
Clyde Puli rrefera għall-proġetti li għamel gvern Nazzjonalista fis-sitt distrett fi żmien ta’ kriżi u saħaq li Gvern Nazzjonalista seta jagħmel dan għax għażel li jagħti l-flus lill-poplu u mhux biex igawdu l-ftit. Huwa għalhekk, saħaq Clyde Puli, li pajjiżna jinhtieġ Gvern onest immexxi minn Simon Busuttil.
Il-kandidat u President tal-Kunsill Amministrattiv Karol Aquilina qal li din l-elezzjoni għandna niġġilduha bħala Maltin u saħaq li hemm tliet punti essenzjali: l-għajta tal-ġustizzja, il-ħtieġa ta’ proġetti li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u fuq kollox il-ħtieġa li pajjiżna jkun immexxi minn Simon Busuttil – mexxej onest li jkun kapaċi jmexxi lil pajjiżna fuq il-valuri tal-integrità u l-onestà.
//= $special ?>