Elezzjoni 2017

The Economist dwar Malta jsejħilha; ‘Shady Island’

Il-ġurnal The Economist jikkummenta dwar l-iskandli ta’ korruzzjoni li qed jolqtu lil Malta u jiffoka fuq il-mod kif il-Prim Ministru Joseph Muscat kellu jsejjaħ elezzjoni bikrija propju minħabba din is-sitwazzjoni.

Lil Malta, The Economist isejħilha ‘Shady Island’.

The Economist jirreferi għar-rapporti tal-blogger Daphne Caruana Galizia u jsostni li hu ta’ sopriża li l-Gvern Malti kellu jsejjaħ elezzjoni porpju f’nofs il-Presidenza Ewropea.

Il-ġurnal isostni li minkejja l-elementi pożittivi tal-ekonomija, il-Prim Ministru Muscat kellu jsejjaħ elezzjoni bikrija wara li kien żvelat l-iskandlu tal-Panama.

Ir-rapport isostni li l-ebda rapporti ma jinvolvi direttament lill-Prim Ministru iżda l-aktar riċenti jimplikaw lil Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru, li allegatament hi l-benefiċċjarju ta’ kumpanija li tħallset iktar minn $1 miljun minn kumpanija ta’ Leyla Aliyeva, it-tifla tal-President tal-Ażerbajġan.

The Economist jirriferi għar-rabtiet kbar li l-Ażerbajġan għandu ma’ Malta fosthom dwar il-provista tal-gass waqt li hu magħruf li l-familja Aliyev użat lil Malta għal tranżazzjonijiet finanzjarji.

F’dan il-kuntest The Economist isemmi kif ir-rabtiet Ażeri mal-istituzzjonijiet Ewropej diġà kienu taħt skrutinju f’Milan fejn proseskutur qed jinvestiga allegazzjonijiet li tħallsu €2 miljun f’tixħim lil parlamentari Taljan membru tal-Kunsill tal-Ewropa.