Illejla, il-kantanta Maltija Claudia Faniello se tkun qed tikkompeti f’dik li hi t-tieni serata tas-semi finali tal-Eurovision 2017. Filfatt, Claudia se tkun qed tkanta fir-raba’ post. B’kollox illejla se jkantaw 18-il kanzunetta li minnhom iridu jgħaddu għaxra biss għall-finali ta’ nhar is-Sibt.
F’kummenti esklussivi lil Netnews.com.mt, Claudia Faniello qalet li tinsab “entużjasta ħafna” sabiex titla’ fuq il-palk u tkanta matul it-tliet minuti li ilha tipprepara għalihom.
Tista’ ssegwi l-aħħar prova li għamlet Claudia Faniello bil-libsa li se tkun qed tkanta biha llejla hawnhekk:
Fil-kumment tagħha, Claudia rringrazzjat lil kulħadd tal-appoġġ kontinwu li kellha u talli kienu huma li filfatt għażluha sabiex tirrapreżenta lil Malta.
Filfatt, Claudia rebħet il-MESC permezz tal-kanzunetta ‘Breathlessly’ meta ġabet l-akbar ammont ta’ voti fis-serata finali. Minn dakinhar ‘l hawn Claudia, flimkien mal-kontinġent Malti, ħadem qatiegħ sabiex il-kanzunetta Maltija tissemma mal-pajjiżi kollha li se jkunu qed jikkompetu f’dan il-festival. Illum, il-pajjiżi li jkunu qed jikkompetu biss ikunu jistgħu jivvutaw lill-kantanta Maltija. Dawn jinkludu lis-Serbja, l-Awstrija, l-Maċedonja, ir-Rumanija, in-Netherlands, l-Ungerija, id-Danimarka, l-Irlanda, San Marino, il-Kroazja, in-Norveġja, l-Iżvizzera, l-Belarus, il-Bulgarija, il-Litwanja, l-Estonja u l-Israel.
Apparti minn hekk, saret ukoll verżjoni Taljana tal-kanzunetta Breathlessly, bl-isem ta’ Perdersi li niżlet tajjeb mas-segwaċi tal-Eurovision li jħobbu diski Taljani b’mod partikolari. Tista’ tisma din il-verżjoni hawnhekk:
Il-Eurovision ta’ din is-sena qed jittella fi Kjiv, l-Ukrajna wara s-sena l-oħra kienet hi r-rebbieħa tal-Eurovision bil-kanzunetta ‘1994’ kantata minn Jamala. Interessanti li fis-semi finali tal-lum kellha tipparteċipa wkoll ir-Russja iżda wara xi problemi li kellhom minħabba li l-kantanta Russa kantat fil-Krimeja u għalhekk ma setgħetx tidħol fl-Ukrajna, ir-Russja ħarġet mill-Eurovision.
Il-kontinġent Malti fl-Ukrajna qed jitmexxa għal-ewwel darba minn John Bundy, is-Chief Executive tal-PBS.
//= $special ?>