Elezzjoni 2017 Lokali

FILMAT: “Se niddefendu lill-poplu” – Simon Busuttil

Il-Kap tal-PN Simon Busuttil qal li l-Gimgha filghodu se jkun qed jippreżenta l-provi tiegħu dwar it-tixħim li ħa Keith Schembri fil-bejgħ tal-passaporti. Hu qal li se jkun qed jagħmel dan biex xi ħadd f’dan il-pajjiż jiddefendi lill-poplu.

Simon Busuttil qal dan meta kien qed jindirizza l-attività Taħt it-Tinda f’Ħal Qormi.

Filwaqt li fakkar li kemm il-Kummissarju tal-Pulizija kif ukoll l-Avukat Ġenerali għażlu li jibqgħu siekta quddiem dak li ġie żvelat, Simon Busuttil saħaq li kieku ngħixu f’pajjiż normali Keith Schembri diġa ġie mressaq il-Qorti u Joseph Muscat diġa rriżenja.

Il-Kap tal-PN sostna li lanqas il-Partit Laburista ma jixraqlu t-tliet persuni li qed imexxu lil dan il-partit u lilna.

Matul l-attività Simon Busuttil tkellem fid-dettall dwar il-proposti dwar il-pensjoni li se jkunu qed jolqtu direttament lill-anzjani.

Simon Busuttil ikkritika lil Joseph Muscat li ħareġ jattakka il-proposti konkreti tal-PN u xejjen għal kollox il-biża’ li nissel Joseph Muscat li Gvern Nazzjonalista jwaqqaf is-servizz tal-IVF għal koppji li ma jistax ikollhom tfal.

Nhar it-3 ta’ Ġunju, saħaq Simon Buusttil, għandna opportunità li npoġġu lil pajjiżna fit-triq it-tajba u li nnadfu isem pajjiżna minn dan il-ħmieġ.