Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Jakkużaw il-Labour li se jieħu l-pajjiż lura lejn is-snin Sebgħin

 

Fil-midja Ingliża kien pubblikat il-manifest elettorali tal-Partit Laburista Ingliż. Dan qabel ma nħareġ uffiċjalment mill-partit innifsu.

Manifest li l-Partit Konservattiv qal juri li Jeremy Corbyn, il-mexxej Laburista, jrid jieħu l-pajjiż lura lejn is-snin Sebgħin. Dan billi jrid jinnazzjonalizza l-industriji u jagħti poteri kbar lill-unions.

Kopja tad-dokument ta’ 43 paġna nkiseb minn The Daily Telegraph u fih jintqal li l-Labour irid jerġa’ jinnazzjonalizza s-servizz tal-posta u l-ferroviji kif ukoll tal-enerġija.

Il-manifest jgħid ukoll li Corbyn hu marbut li jkun hawn dinja ħielsa mill-armi nukleari u hu “estremament kawt” fl-użu tad-deterrent nukleari Ingliż. Jingħad ukoll li l-mexxej Laburista hu lest jibgħat il-militar Ingliż fl-azzjoni jekk ma jkun hemm assolutament ebda triq oħra.

Il-manifest ukoll jgħid li l-Partit Laburista jeskludi li ma jkunx hemm ftehim mal-UE rigward il-Brexit u anki li jkun hemm limitu fuq l-immigranti li jitħallew jidħlu fil-pajjiż. Dan apparti li se jinħoloq Ministeru tax-Xogħol biex jingħataw aktar poteri lil unions.

Il-partit se jiffinanzja l-aġenda Soċjalista tiegħu permezz ta’ żieda fit-taxxi u 250 biljun Lira Sterlina f’self tul l-għaxar snin li ġejjin, b’aktar infiq fuq l-edukazzjoni u s-saħħa u dazji kbar fuq in-negozji u l-industrija.

Id-dokument kompla jsaħħaħ l-impressjoni li Corbyn mhux b’saħħtu fuq id-difiża, l-ordni u l-immigrazzjoni. Fil-manifest, Corbyn jgħid ukoll li se jassigura li meta kriminal jintbagħat il-ħabs dan ikun għaliex m’hemm ebda alternattiva oħra.