Għal darb’oħra, il-poplu reġa’ ta l-fiduċja tiegħu lill-Partit Nazzjonalista b’somma li se tgħin fil-kampanja elettorali.
Waqt il-Maratona Ġbir ta’ Fondi li organizza l-Partit Nazzjonalista fid-Dar Ċentrali nġabret is-somma sabiħa ta’ €392,800.
Hekk kif ninsabu f’Kampanja Elettorali li se twassalna għal elezzjoni ġenerali bikrija fit-3 ta’Ġunju, illum il-Partit Nazzjonalista organizza maratona ġbir ta’ fondi sabiex b’hekk fil-ġimgħat li ġejjin ikompli jwassal il-messaġġ tiegħu.
Matul il-maratona, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil wassal il-messaġġ tiegħu, flimkien ma’ ringrazzjament kbir għal dawk kollha li pparteċipaw fil-maratona.
Simon Busuttil irringrazzja lill-eluf ta’ nies li jagħtu s-sehem tagħhom, u jattendu l-attivitajiet tal-Partit Nazzjonalista – u grazzi għas-sehem tagħhom il-poplu fl-elezzjoni li jmiss se jagħżel Malta. Simon Busuttil appella wkoll biex in-nies jaqsmu l-ideat tagħhom mal-Partit Nazzjonalista billi jidħlu fuq is-sit forzanazzjonali.com.mt. B’hekk din l-inizjattiva online qegħda tibdel il-mod ta’ kif issir il-politika f’Malta, hekk kif il-manifest tal-Partit Nazzjonalista se jkun qed jirrifletti l-ideat tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Tkellmet ukoll Kristina Chetcuti fejn qalet li hu ta’ kuraġġ kbir tara nies mis-setturi kollha jingħaqdu f’Forza Nazzjoanli – żgħażagħ, anzjani, professjonisti, u ħaddiema. Appellat sabiex aktar nies jersqu viċin il-Partit Nazzjonalist u jagħtu l-kontribut tagħhom fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Il-Maratona bdiet fis-sitta u nofs ta’ filgħodu fuq Radio 101 u baqgħet sejra tul il-ġurnata kollha bis-sehem tal-preżentaturi, Deputati, kandidati u uffiċjali tal-PN. Sabiex imbagħad, fuq NET Television, ix-xandira speċjali bdiet fis-sitta ta’ filgħaxija. Matul dawn ix-xandiriet is-semmiegha u t-telespettaturi setgħu iċemplu biex jagħmlu d-donazzjoni tagħhom.
Iż-żewġ xandiriet inkludu diversi intervisti ma’ Deputati u Kandidati tal-Partit Nazzjonalista, bil-parteċipazzjoni wkoll tal-Kap tal-Partit Simon Busuttil u l-Viċi Kapijiet, Mario de Marco u Beppe Fenech Adami.
Il-Partit Nazzjonalista qed iħeġġeġ lin-nies biex ikomplu jingħaqdu fil-Forza Nazzjonali kontra l-Korruzzjoni.
//= $special ?>