L-Ungerija u s-Slovakkja sfidaw id-deċiżjoni tal-UE biex l-immigranti li qed ifittxu kenn politiku jinqasmu madwar il-pajjiżi tal-Unjoni, fuq bażi ta’ kwota fissa. L-isfida saret quddiem l-Ogħla Qorti tal-UE, meta l-kwoti kienu introdotti wara l-influss kbir tal-immigranti tal-2015.
F’Settembru tal-2015, il-Ministri għall-Intern tal-UE iddeċidew dwar ir-rilokazzjoni ta’ 120,000 immigrant lejn l-Istati tal-Unjoni minħabba l-‘immigranti bla rażan’ li kienu qed jaslu fl-Italja u l-Greċja. Il-pjan kien jesiġi sistema għall-kwoti effettiva għal sentejn.
L-Ungerija u s-Slovakkja, l-istess bħar-Rumanija u r-Repubblika Ċeka, kien ħarġu kontra l-idea tal-kwoti mandatorji, iżda d-deċiżjoni kienet għaddiet bil-vot tal-maġġoranza tal-Istati-membri tal-Unjoni.
Sadattant, ir-rappreżentanti tal-Ungerija u s-Slovakkja issa ressqu l-argument, waqt smigħ fil-Qorti Ewropea għall-Ġustizzja (fil-Lussemburgu), li l-proċedura li pproduċiet id-deċiżjoni mandatorja dwar il-kwoti ma kenitx waħda legali.
L-Ungerija u s-Slovakkja qalu li l-proċedura leġiżlattiva kienet waħda ‘difettuża’ u li l-Parlament Ewropew kellu jkun involut f’dak li skont huma kellha tkun proċedura ta’ konsensus li jirrifletti qbil mill-Parlament u l-Kummissjoni. Intant, il-Polonja kienet l-uniku Stat tal-UE li appoġġjat il-pożizzjoni tal-Ungerija u s-Slovakkja fil-qorti.
//= $special ?>