Il-Partit Nazzjonalista irid ikompli jinvesti fin-nies billi lest joffri dinjità lill-anzjani biex ikunu jistgħu ilaħħqu mal-ħajja bil-pensjoni tagħhom. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha ppreżenta tmiet proposti għall-anzjani dwar pensjonijiet:
1. Neżentaw il-pensjonijiet kollha mit-taxxa tad-dħul.
Se neżentaw il-pensjonijiet kollha mit-taxxa tad-dħul. Din l-eżenzjoni m’għandiex limitu u tgħodd għall-pensjoni kollha, hi kemm hi.
2. Il-Pensjoni Minima Nazzjonali titla’ sal-livell tal-Paga Minima Nazzjonali jew €169.76 fil-ġimgħa
Il-Pensjoni Minima Nazzjonali se norbtuha mal-Paga Minima Nazzjonali (minimum wage) u b’hekk tiżdied biex tilħaq il-livell tal-Paga Minima Nazzjonali li huwa ta’ €169.76 fil-ġimgħa. Dan ifisser li l-pensjoni minima se tiżdied minn €147.23 (għal persuna miżżewġa) jew €131.47 (għal persuna single) sal-livell ta’ €169.76 fil-ġimgħa. Din il-proposta se jibbenifikaw minnha 18,000 pensjonant u se tħalli fi bwiethom €8.5 miljun.
3. Min ma ħallasx il-bolol kollha jkun jista’ jħallashom biex jieħu l-pensjoni sħiħa
Nagħtu l-opportunità lil dawk kollha li baqgħu b’xi bolol mhux imħallsin b’mod li qegħda taffettwa l-pensjoni tagħhom u nagħtuhom ċans għal ċertu żmien sabiex iħallsu d-differenza u jikkwalifikaw għall-pensjoni sħiħa.
4. Il-pensjoni tal-età tiżdied għal €155.70 jew 60% tad-Dħul Medju Nazzjonali
Il-pensjoni tal-età (non-kontributorja) tiżdied għal 60% tad-Dħul Medju Nazzjonali (€13,493). Dan ifisser li l-pensjoni tiżdied għal €155.70 fil-ġimgħa. Din il-proposta se tħalli €4.5 miljun fil-but tal-anzjani.
5. L-allowance tal-anzjani ‘il fuq minn 75 sena tiżdied għal €500
Biex inkomplu nħajru l-anzjani jibqgħu jgħixu fid-dar tagħhom u fil-komunità tagħhom, l-allowance tat-€300 fis-sena lil kull anzjan li jibqa’ jgħix f’daru wara li jagħlaq 75 sena inżiduh għal €500. F’każ ta’ koppja, l-allowance tibqa’ tingħata kemm lir-raġel kif ukoll lill-mara. Din il-proposta se jibbenefikaw minnha 27,800 anzjan u se tħalli fi bwiethom xejn anqas minn €5.5 miljun.
6. Ir-romol jirtu l-pensjoni ta’ żwieġhom
Nagħtu lir-romol li kienu jaħdmu d-dar id-dritt li jieħdu il-pensjoni sħiħa li kellhom żwieġhom qabel ma mietu.
7. Il-pensjoni tal-Pulizija u tal-Forzi Armati tiżdied biż-żidied tal-għoli tal-ħajja.
Il-pensjoni tal-Pulizija u tal-Forzi Armati se tibda tiżdied biż-żidied tal-għoli tal-ħajja.
8. Nindirizzaw l-inġustizza tal-pensjoni ta’ servizz
Nindirizzaw l-inġustizzja tal-pensjoni ta’ servizz b’mod gradwali skont l-eta’ tal-pensjonant. B’din il-proposta kull minn jagħlaq l-eta’ ta’ 80 sena, li huma madwar 2,300 anzjan, se jibda jieħu l-pensjoni tal-irtirar sħiħa. Dawk li ta’ eta’ anqas jieħdu persentaġġ tagħha li jvarja bejn 20% għal min għadu ma għalaqx il-65 sena u 80% għal min għandu bejn 75 u 79 sena. Din il-proposta se tħalli xejn anqas minn €22 miljun fil-bwiet tal-pensjonanti.
//= $special ?>