Sal-bidu tas-sena kien hemm 43,665 persuna rappurtati nieqsa fl-Italja. Minn dawn hemm 28,000 tfal minuri barranin.
Dan kien żvelat minn Vittorio Piscitelli, ir-responsabbli għall-persuni neqsin fl-Italja. Hu qal li s-sena li għaddiet kien hemm żieda ta’ 28 fil-mija fit-tfal barranin li għebu fl-Italja — fil-maġġoranza immigranti li jkunu żbarkaw fil-pajjiż. Dawn, fil-fatt, ma dehrux aktar, ftit wara li kienu waslu l-Italja .
Dwar l-adulti li għebu, Piscitelli qal li hemm diversi raġunijiet, fosthom anki li l-istess persuni ma jkunux iridu li jinstabu għal xi raġuni jew oħra.
Iżda Piscitelli qal li l-ammont ta’ tfal li għebu hu allarmanti għaliex dawn kienu l-kategorija l-aktar fraġli. Hu kompla li, mill-2012 sal-2016, it-tfal li għebu, kulma jmur, żdiedu, iżda l-akbar qabża saret fl-2016 meta minn madwar 8,000 tifel u tifla ( li għebu) in-numru sploda għal 28,000 tifel u tifla — bis-suspett ewlieni għal dan jaqa’ fuq il-gruppi kriminali.
Iċ-ċifri uffiċjali wrew li tul l-2016 kien hemm 22,483 rapport ta’ nies li għebu u minn dawn 66 fil-mija kienu jirreferu għal ċittadini barranin. Minn dawn imbagħad, 88 fil-mija kienu jirreferu għal tfal li għebu miċ-ċentri fejn kienu miżmuma jew minn fost il-familji li kienu qed jagħtuhom kenn.
Kienu biss 7,775 it-Taljani li kienu rapportati nieqsa. Iżda uffiċjali qalu li mill-każi Taljani, 84 fil-mija tagħhom jiġu solvuti fil-massimu ta’ ftit ġranet. Fil-każ tal-barranin, instabu biss wieħed minn kull tlieta.
Intqal li, fil-każ tal-barranin, ħafna minnhom jaħarbu biex imorru ma’ familja jew ħbieb f’pajjiż ieħor. Jidher, intant, li Sqallija hi l-post minfejn għebu l-akbar numru ta’ nies – f’dan il-każ aktar minn 10,000 persuna. Hu minnu wkoll li fi Sqallija nstabu l-akbar ammont ta’ katavri mhux identifikati – total ta’ 1,704.
Intqal li minn dawk li għebu, hemm 106 persuna li aktarx spiċċaw vittmi ta’ reat kriminali filwaqt li 496 kienu rapportati li kellhom problemi mentali meta għebu.
//= $special ?>

