Ambjent

Se tagħlaq il-Happy Paws Medical Clinic – daqqa ta’ ħarta għall-annimali abbandunati f’pajjiżna

L-Għaqda mhux Governattiva Happy Paws ħabbret li se tagħlaq il-bibien tagħha u tnaqqas is-servizzi offruti fid-dawl tad-diffikultajiet dejjem ikbar li qed ikollha taffaċċja.

Din l-aħbar qed titqies bħala daqqa ta’ ħarta kbira għall-voluntiera imma wkoll għal pajjiżna. Dan għaliex din l-NGO kienet tieħu ħsieb li jinġabru annimali abbandunati biex jiġu neutered, imlaqqma u f’xi każi anke operati għal ġrieħi li jġarrbu. Dan kollu kien isir b’xejn u grazzi għall-ħidma u s-servizzi ta’ Animal Clinic fil-Marsa.

L-għaqda tmexxi wkoll numru ta’ charity shops bl-għan li tikseb il-fondi neċessarji, biex flimkien mad-donazzjonijiet privati tkun tista’ tħaddem is-servizzi offruti.

Se jkunu propju dawn il-ħwienet biss li se jibqgħu joperaw, bl-għan li jibqgħu jinġabru flus tant prezzjużi li imbagħad jitqassmu għall-użu u l-benefiċċju ta’ għaqdiet li jaħdmu favur l-annimali abbandunati.