Elezzjoni 2017 Lokali

FILMAT: Il-Partit Laburista kontra ż-żidiet fil-pensjonijiet – Paula Mifsud Bonnici

Ninsab sorpriża kif il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Partit Laburista – li suppost għandhom għal qalbhom lill-anzjani u lil pensjonanti – ħarġu kontra l-proposti li ħabbar il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil biex jingħataw żidiet fil-pensjonijiet. B’mod partikulari l-Partit Laburista ħareġ kontra l-proposta biex il-pensjoni minima nazzjonali tiżdied u tiġi daqs il-paga minima nazzjonali għal € 169.67 fil-ġimgħa għax qal li mhix sostenibbli.

Il-President tal-Kunsill Ġenerali u Shadow Minister tal-Politika Soċjali, il-kandidata tal-PN Paula Mifsud Bonnici qalet dan waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-Partit. Fil-konferenza tal-aħbarijiet ħadu sehem ukoll il-Kelliem għall-Familja u t-Tfal, l-Anzjani u l-Persuni b’Diżabbiltà u kandidat Robert Cutajar u l-Kelliem għall-Housing u l-Ġlieda Kontra l-Faqar u kandidat Stephen Spiteri.

Paula Mifsud Bonnici irreferiet għall-konferenza tal-aħbarijiet li taw Edward Zammit Lewis u Stefan Zrinzo Azzopardi aktar kmieni li ikkritikaw il-proposti tal-PN għax qalu li m’humiex sostenibbli. Hi qalet li l-costings li għamel il-Partit Nazzjonalista dwar kemm se tiswa l-proposta dwar il-pensjoni minima nazzjonli huma korretti, imma jidher li dawk tal-Partit Laburista m’humiex korretti. Imma anke li kieku din il-proposta tiswa €20 miljun kif qed jgħid il-Partit Laburista u mhux €8.5 miljun kif qed jgħid il-PN, dan ifisser li gvern ġdid Nazzjonalista kien se jħalli aktar flus fil-bwiet tal-pensjonanti.

Hi qalet li hi ironija li lejliet elezzjoni ġenerali l-Partit Laburista ħareġ kontra l-proposti taż-żidiet fil-pensjonijiet u qalet li dan juri kemm il-Partit Nazzjonalista hu l-partit tan-nies biex l-anzjani u l-pensjonanti jgħixu kwalità ta’ ħajja aħjar. Paula Mifsud Bonnici qalet li dawn il-proposti juru l-viżjoni ta’ Simon Busuttil li fl-erba snin li għaddew kien hemm għal poplu imma Joseph Muscat flimkien ma Konrad Mizzi u Keith Schembri kien moħħhom kif se jagħmlu l-flus.

Paula Mifsud Bonnici qalet li gvern ġdid Nazzjonalista mhux se jisparpalja l-flus bil-korruzzjoni bħalma għamel il-Partit Laburista bil-Cafe’ Premier u l-flus lil Gaffarena ta’ biċċa proprjetà, imma se juża l-flus biex jagħti kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji Maltin u Għawdxin.

Robert Cutajar qal li ftit wara li Simon Busuttil ħabbar il-proposti dwar il-pensjonijiet il-Partit Laburista inkwieta għax il-proposti juru bil-fatti li l-Partit Nazzjonalista bil-fatti jħaddan politika għan-nies fejn il-ġid jinqasam b’mod ġust. Hu elenka t-tmien proposti li ħabbar il-Kap tal-PN aktar kmieni l-bieraħ.
Stephen Spiteri.