Diversi Gvernijiet tal-Punent qegħdin iwissu dwar pjan ta’ terroristi biex il-barranin jinħatfu miz-zoni turistiċi madwar il-Filippini. It-twissija ngħatat wara li, ix-xahar li għadda, kien falla attentat ta’ ħtif partikulari minn militanti Iżlamiċi.
L-Ambaxxata Amerikana f’Manila wissiet dwar theddida għall-ħtif ta’ persuni fuq il-gżira ta’ Palawan, lejn il-Punent tal-Filippini u li fost l-aktar destinazzjonijiet turistiċi popolari f’dan il-pajjiż.
L-Ambaxxata, permezz ta’ travel advisory, sostniet li ‘l-awtoritajiet għandhom informazzjoni kredibbli li l-gruppi terroristiċi jistgħu qed jippjanaw azzjonijiet għall-ħtif ta’ persuni, b’aċċenn partikulari għall-barranin fl-inħawi ta’ Palawan’.
It-twissija identifikat żewġ lokalitajiet għal azzjonijiet ta’ ħtif potenzjali li huma l-belt ta’ Puerto Princesa u z-zona ta’ xmara fil-viċin, li tattira l-eluf ta’ viżitaturi, kuljum.
Puerto Princesa tinsab madwar 240 mil ’il bogħod mill-gżejjer Filippini tan-Nofsinhar li huma fortizza għall-militanti tal-grupp Abu Sayyaf, li ħalef lealtà lill-ISIS. Il-militanti tal-Abu Sayyaf kemm-il darba jaħtfu lill-barranin bħala ostaġġi u l-President tal-Filippini, Rodrigo Duterte, issa, qal li żdiedet is-sigurtà fuq il-gżira ta’ Palawan.
It-twissijiet dwar il-ħtif potenzjali ta’ barranin ingħataw ukoll mill-Ambaxxati tal-Kanada u r-Renju Unit fil-Filippini, meta l-inħawi ta’ Bohol, Dumaguete u Cebu qegħdin jagħtu l-akbar lok għal inkwiet.
//= $special ?>