Illum huwa jum storiku għaliex din hija l-ewwel darba li partit politku qiegħed iniedi programm elettorali speċifiku għal Għawdex. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Għajnsielem bit-tema ‘Jiena Nagħżel Malta’.
Simon Busuttil qal li dan il-programm elettrorali juri l-impenn tal-Partit Nazzjonalista li Għawdex ma jibqax biss l-aħħar kaptilu fil-ħsieb tal-partiti politiċi u jagħti lill-Għawdxin l-importanza li jistħoqqilhom. Huwa qal li l-konsultazzjoni dwar il-proposti ppreżentati mill-Partit Nazzjonalista nfetħet f’Jannar li għadda sabiex jinġabru soluzzjonijiet serji mill-Għawdxin stess. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista żied li, minħabba li l-elezzjoni ġenerali ġiet qabel, sar sforz akbar sabiex il-proposta kollha jiġu meqjusa bil-mertu li jixirqilhom.
Simon Busuttil elenka ħames proposti fost il-100 maħruġa fid-dokument li fuqhom irid jafferma impenn politiku speċjali:
Rikonoxximent bħala Gżira Reġjun
Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti lil Għawdex rikonoxximent ta’ reġjun fil-kostituzzjoni ta’ Malta. Huwa qal li dan mhux ġest simboliku iżda huwa mpenn li jrid jipproteġi u jsaħħaħ l-identità partikolari ta’ Għawdex. Grazzi għal dan il-pass, żied Simon Busuttil, Għawdex ikun jista’ japplika għal pakkett speċjali ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea li jlaħħaq €250 miljun.
Sptar Ġenerali lura għand in-nies
Il-Kap ta-Partit Nazzjonalista tenna l-impenn tiegħu li l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex jerġa’ jingħata lura lill-Għawdxin. Simon Busuttil qal li l-Gvern Laburista seraq dan l-isptar u tah minn wara dahar kulħadd lil xi ħadd li lanqas biss għandu l-kredenzjali neċessarji. Huwa żied li, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jemmen fi sptarijiet privati, ma jagħmilx sens li l-unika sptar f’Għawdex ittieħed mill-pubbliku biex jingħata lill-privat. Simon Busuttil qal li Gvern Nazzjonalista mhux biss jagħti l-Isptar lura lill-Għawdxin imma jżid l-investiment fis-servizzi b’mod qawwi.
Link Permanenti bejn Malta u Għawdex
Il-Partit Nazzjonalista qiegħed jintrabat li jibda x-xogħol minnufih u b’mod serju fuq il-link permanenti bejn Għawdex u Malta. Huwa qal li dan il-proġett se jiftaħ opportunitajiet ġodda għal Għawdex u li se jagħti dimensjoni ġdida lit-territorju nazzjonali. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Joseph Muscat ħela erba’ snin fuq dan il-link u l-istudjii ġeoloġiċi qiegħdin isiru issa biss.
Inċentivi għan-negożji u familji
Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista fasslet pjan biex idaħħal stimolu ġdid biex Għawdex jattira aktar investiment u persuni żgħar. Huwa qal li Gvern ġdid Nazzjonalista se joffri lin-negozji ġodda inċentiv ta’ eżenzjoni tat-taxxa tad-dħul għal tliet snin b’massimu ta’ €200,000. Tkompli mal-istess viżjoni, qal Simon Busuttil, il-Partit Nazzjonalista qiegħed jipproponi skema ta’ għotja ta’ €10,000 li tgħin lill-koppji Għawdxin jibdew il-familja tagħhom f’Għawdex filwaqt li titneħħa kompletament it-taxxa tal-boll meta tinxtara l-ewwel propjetà f’Għawdex.
Investiment fl-infrastruttura
Simon Busuttil qal li l-infrastruttura f’Għawdex intelqet u jeħtieġ li xi ħadd jerġa’ jibda jagħti każ tagħha bis-serjetà. Huwa qal li Gvern ġdid Nazzjonalista se jniedi programm ta’ investiment jirreferi kemm għat-toroq arterjali u dawk residenzjali. Huwa qal li se jerġgħu jinbnew mill-ġdid it-toroq Xagħra-Rabat, Żebbuġ-Rabat, Marsalforn-Rabat, u Nadur-Rabat b’investiment ta’ €65 miljun. Ma’ dan, qal Simon Busuttil, il-budget attwali ta’ €1 miljun għat-toroq se jikber għal €4 miljun fis-sena sabiex it-titjib fuq it-toroq residenzjali jkun kontinwu.
Simon Busuttil qal li, grazzi għall-pjattaforma diġitali www.forzanazzjonali.com/ideat, il-Partit Nazzjonalista qiegħed jaqsam il-proposti tiegħu man-nies sabiex dawn ikunu jistgħu jiddiskutuhom. Mhux hekk biss iżda huma jistgħu wkoll jissuġġerixxu ideat ġodda u fil-fatt, minn mindu ġie mniedi din l-għodda ġdida jumejn ilu, il-Partit Nazzjonalista rċieva kważi elf idea differenti. Waħda mill-ideat li qiegħed iressaq il-Partit Nazzjonalista, kompla Simon Busuttil, ġejja minn din il-pjattaforma: li jkun hemm investiment fil-family parks f’Għawdex. Gvern ġdid Nazzjonalista qiegħed jimpenja ruħu li jalloka €4 miljuni fi spazji pubbliċi.
Idħol ara l-programm elettorali għal Għawdex hawnhekk.
//= $special ?>