Elezzjoni 2017

Imblukkat l-aċċess għal ForzaNazzjonali.com fl-uffiċċji tal-Gvern

Is-sit ġdid tal-Partit Nazzjonalista bl-isem ForzaNazzjonali.com mhux aċċessibbli minn ħaddiema tal-Gvern hekk kif l-aċċess għalih ingħalaq.

Dan is-sit hu l-qofol ta’ proposta tal-Partit Nazzjonalista li għandha l-għan li tressaq lill-partit eqreb lejn in-nies u tagħti l-opportunità li ċ-ċittadin ikun jista’ jinfluwenza l-politika u l-ideat politiċi.

F’dan is-sit wieħed jista’ jgħaddi l-ideat tiegħu fuq kwalunkwe suġġett għal qalbu, u oħrajn ikollhom iċ-ċans li jivvutaw u jikkummentaw dwar din il-proposta.

Fl-istess sit wieħed isib ukoll il-proposti li diġa’ ressaq il-Partit Nazzjonalista u li qed iwiegħed li jimplimenta ladarba l-Partit Nazzjonalista jingħata ċ-ċans li jiggverna lil pajjiżna.

Dan minbarra ritratti, filmati u artikli minn diversi persuni u attivitajiet li organizza l-Partit Nazzjonalista matul din il-kampanja elettorali li għandha t-tema ‘Jien Nagħżel Malta.’

Iżda jidher li l-ħaddiema tal-Gvern m’għandhomx id-dritt li jgħaddu l-proposti tagħhom.