Diego Simeone ta indikazzjoni b’saħħitha li se jibqa’ kowċ ta’ Atletico Madrid l-istaġun li ġej, wara dikjarazzjoni fil-konferenza stampa tal-Audi Cup. L-ispekulazzjoni dwar il-futur ta’ Simeone fil-kapitali Spanjola żdiedu matul l-istaġun, bl-Arġentin jammetti x-xewqa li jmexxi lil Inter, tim li lagħab magħhom matul il-karriera.
L-ispekulazzjoni kompliet tikber aktar, matul din il-ġimgħa wara li Inter keċċew lil Stefano Pioli. Iżda Simeone, li mexxa lil Atletico għar-rebħ tal-kampjonat fl-istaġun 2013/2014, wera x-xewqa tiegħu li jibqa’ mal-klabb, hekk kif kien preżenti għal konferenza stampa tal-Audi Cup li ssir fil-pre-season tal-istaġun li ġej.
Meta mistoqsi fuq il-futur tiegħu, Simeone wieġeb “Qed nitkellem magħkom, u għalhekk jidher li se nkun il-kowċ l-istaġun li ġej jekk kollox imur tajjeb mal-klabb. Se naraw lil xulxin il-Ġermanja ma ndumux.”
Atletico Madrid se jikkompetu flimkien ma’ Bayern Munich, Liverpool u tim ieħor li se jkun konfermat aktar tard. “Aħna kuntenti kif Atletico kibru fl-aħħar snin. Dan hu pass tajjeb biex nibdew staġun ġdid b’pass b’saħħtu. Ma konniex imdorrijin nilagħbu dawn il-logħbiet,” temm jgħid Simeone.
//= $special ?>