Elezzjoni 2017 Lokali

FILMAT: Godfrey Farrugia jirriżenja mill-Partit Laburista u jingħaqad mal-Forza Nazzjonali

Tkompli tissaħħaħ il-Forza Nazzjonali

Il-Forza Nazzjonali tkompli tissaħħaħ u aktar persuni qed jitilqu lil Muscat u jingħaqdu mal-Forza Nazzjonali mexxija mill-Partit Nazzjonalista.

Kmieni filgħodu, l-eks deputat laburista Godfrey Farrugia ħabbar ufficjalment li irriżenja mill-Partit ta’ Muscat, u ingħaqad mal-Partit Demokratiku. B’hekk, se jkun kadidat tal-Forza Nazzjonali għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.

It-tabib Farrugia tefa n-nomina tiegħu kmieni dalgħodu, u se jkun qed jikkontesta s-6 u s-7 Distrett. Qabel tefa’ n-nomina Godfrey Farrugia ta r-raġuni għalfejn iddecieda li jagħmel dan il-pass. Hu qal li dak li għamel għamlu għax dan il-Partit Laburista fl-aħħar snin kull ma għamel żamm ismu imma tilef ruħu. Minkejja kollox din ma kienetx deċizjoni faċli, imma ħass li għandu jagħmel dan għaliex jemmen f’politika nadifa, politika ħanina li vera tagħti każ dak li jridu n-nies.

Id-deċiżjoni ta Godfrey Farrugia li jingħaqad mal-Forza Nazzjonali waslet għal reazzjoni mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil laqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni Godfrey Farrugia u qal li kull ma jmur aktar u aktar nies qed jagħżlu li jingħaqdu mal-Forza Nazzjonali.

Wara li Godfrey Farrugia tefa n-nomina tiegħu it-tmexxija tal-Partit Demokratiku indirizzat konferenza tal-aħbarijiet quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, li kemm Godfrey Farrugia u Marlene Farrugia kienu parti minnu fir-rebha li għamel fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet. Marlene Farrugia qalet li hi weġgħa ta’ qalb għalihom li kellhom jagħmlu dan il-pass imma ċ-ċirkustanzi huma li huma. Huma qalu li l-Partit Laburista issa ħiereġ bil-proposti bħall-perlini, imma kellu kull ċans iwettaqhom li kieku ma sejjaħx elezzjoni barra minn żmienha.

Spikkaw f’din il-konferenza tal-aħbarijiet interruzzjonijiet fost oħrajn minn karrozzi li apposta xegħelu mużika għolja tal-Partit Laburista. Kien hemm ukoll min saħansitra insulenta lil Marlene Farrugia.

Miċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, id-delegazzjoni tal-Partit Demokratiku marret fl-istazzjon nazzjonali li għal xi raġuni ma attendiex biex ikopri l-press conference li għaliha kienet mistiedna l-media kollha. Marlene Farrugia saħqet li minkejja li TVM ma marx għall-konferenza tal-aħbarijiet tagħha, hi riedet li l-verità toħroġ b’mod sħiħ u għalhekk iddeċidiet li tmur hi għand l-istazzjon nazzjonali.

Godfrey Farrugia ħabbar ukoll li għada se jkun qed jindirizza l-Mass Meeting tal-Partit Nazzjonalista f’Ħaż Żebbuġ. Huwa qal li f’dan il-mass meeting se jkun qed jagħti r-raġuni għaliex ħa d-deċiżjoni li jikkontesta din l-elezzjoni ġenerali mal-Partit Demokratiku u mal-Forza Nazzjonali.