Elezzjoni 2017 Lokali

FILMAT: Il-Forza Nazzjonali tippreżenta 110 kandidat – “Politika mibnija fuq il-ftehim u l-kunsens nazzjonali” – Simon Busuttil

Il-Forza Nazzjonali hi mibnija fuq l-idea li l-politika ma tibqax mibnija fuq il-firda imma ssir politika mibnija fuq il-ftehim u fuq il-kunsens  u għalhekk titlob kunsens u appoġġ nazzjonali. Il-Forza Nazzjonali tinkludi lill-Partit Nazzjonalista u lill-Partit Demokratiku u nirringrazzja lil Kap tal-Forza Nazzjonali Marlene Farrugia biex dan seta jsir u nirringrazzjaha għall-kuraġġ u d-determinazzjoni biex għamlet dak li hu fl-interess nazzjonali.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal dan il-bieraħ waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali li matulha l-Forza Nazzjonali ippreżentat 110 kandidat għall-elezzjoni ġenerali tat-3 ta’ Ġunju li se jkunu flimkien taħt il-Partit Nazzjonalista fil-karta tal-vot. Preżenti l-kandidati kollha tal-Forza Nazzjonali iffurmata mill-Partit Nazzjonalista u mill-Partit Demokratiku, fosthom il-Mexxej tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia u anke Dr Godfrey Farugia, il-viċi Kapijiet tal-PN, Mario de Marco u Beppe Fenech Adami kif ukoll uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista.

Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista se jkollu rekord ta’ 99 kandidat filwaqt li l-Parti Demokratiku se jkollu 11-il kandidat. Hu qal li 24 fil-mija tal-kandidati jew 27 huma nisa u qal li dan in-numru seta’ kien akbar li ma kienx għad-diffikultajiet li n-nisa fis-soċjetà tagħna jsibu biex joħorġu għall-politika. Hu qal li dawn il-kandidati nisa huma ta’ eżempju u jekk il-Partit Nazzjonalista jingħata fiduċja mill-poplu, ir-rwol tal-nisa jkun wieħed ċentrali. Il-Kap tal-PN qal li 20 fil-mija tal-kandidati huma taħt il-35 sena u 60 fil-mija qed jikkontestaw għall-ewwel darba.

Fil-bidu tad-diskors tiegħu, Simon Busuttil fakkar li meta erba’ snin ilu ingħata l-privileġġ li jmexxi lill-Partit Nazzjonalista kellu ħolma u ħadem b’entużjażmu biex ibiddel lill-Partit Nazzjonalista f’partit tan-nies u llum id-Dar Ċentrali hi d-dar naturali ta’ kull min għandu għal qalbu pajjiżna u ta’ kull min hu ta’ rieda tajba.

Simon Busuttil qal li flimkien mal-kandidati kollha li kien se jippreżenta u dawk kollha li jaħdem magħhom hemm sfida u responsabbiltà enormi u ta’ kif nistgħu nerġgħu nirbħu l-fiduċja tan-nies mhux għalina imma għall-politika u għall-politiċi. Hu qal li s-sitwazzjoni li żviluppat f’pajjiżna wasslet biex in-nies tilfu l-fiduċja fil-politika u fil-politiċi u qal li din hi sfida li determinati li nirbħu mhux biss fit-3 ta’ Ġunju imma anke wara.

Hu rrefera għal l-aħħar żvilupp li seħħ ftit qabel il-konferenza tal-aħbarijiet fejn it-tabib Godfrey Farrugia li ftit ġimgħat ilu irriżenja minn Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista u issa irriżenja minn membru tal-Partit Laburista għax iħoss li l-Partit Laburista tilef ruħu, kien se jkun kandidat mal-Forza Nazzjonali għall-elezzjoni ġenerali. Simon Busuttil sellem u rringrazzja lil Dr Godfrey Farrugia.

Hu qal li l-ambizzjoni tiegħu hi li lkoll naħdmu flimkien biexd nerġgħu niżirgħu il-fiduċja fil-politika u fil-politiċi. Dan hu importanti mhux għall-politiċi imma hu importanti għall-poplu li jkun jista’ jserraħ rasu mit-tmexxija tal-pajjiż billi jkun hemm nies li jista’ jafdahom u li qegħdin hemm biex iservu u mhux biex jisservew bik.

Meta wieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti Simon Busuttil qal li l-ġimgħa d-dieħla se jippreżenta l-proposti dwar l-ekonomija u l-programm elettorali tal-PN wasal fil-fażi finali tiegħu u dalwaqt ikun lest.

Simon Busuttil qal li hu dejjem kellu fiduċja li l-poplu jagħti ċans ġdid biex innaddfu l-politika u qal li għandu fiduċja fil-poplu Malti li dejjem jieħu l-aħjar deċiżjonijiet bħalma ħa fl-2003 biex Malta saret membru tal-Unjoni Ewropea.

Dwar id-dibattitu bejn il-mexxejja politiċi fl-Università, Simon Busuttil qal li jittama li Joseph Muscat ma jibżaw imur jiddibatti mal-mexxejja l-oħra. Fakkar li kien ilu jistenna tlett snin biex Joseph Muscat imur jiddibatti miegħu fil-programm Xarabank.

Il-Kap tal-PN għalaq li din hi sitwazzjoni straordinarja għax mhix elezzjoni bejn il-PN u l-PL, lanqas hi elezzjoni bejn il-PN u l-PL u lanqas bejn Simon Busuttil u Joseph Muscat. Din hi għażla bejn Malta u Joseph Muscat u qal li hu fiduċjuż li fit-3 ta’ Ġunju l-poplu se jagħżel Malta.