#muscatgate Lokali

FILMAT: Muscat jikkonferma li mhux sejjer jixhed quddiem il-Kumitat PANA

Jibża' li l-kelma tiegħu biss mhix se titwemmen mill-Kumitat PANA

Il-Prim Ministru Joseph Muscat illum ikkonferma li mhux se jkun qed imur jixhed quddiem il-Kumitat PANA fi ħdan il-Parlament Ewropew dwar l-iskandlu tal-Panama.

Fil-jiem li għaddew, iċ-Chairperson ta’ dan il-kumitat Werner Langen, bagħat ittra lill-Prim Ministru li fiha talbu biex fit-18 ta’ Mejju jitla’ jixhed quddiem dan il-kumitat tal-Parlament Ewropew.

Imma Muscat ikkonferma li mhux se jilqa’ din l-istedina meta f’risposti għal mistoqsijiet ta’ NET News ta x’jifhem li jibża’ li l-kelma tiegħu biss mhix biżżejjed u li l-kelma tiegħu weħidha mhix se titwemmen. “Jiena mmur quddiem il-Parlament bir-rapport tal-Maġistrat”, qal il-Prim Ministru waqt li żied “Ħalli ma mmurx bil-kelma tiegħi biss”, f’indikazzjoni ċara li l-Prim Ministru jibża’ li l-kelma tiegħu ma titwemminx mill-membri tal-Kumitat PANA.

Meta kienu f’Malta fix-xhur li għaddew, membri ta’ dan il-kumitat irrimarkaw li d-dettalji u l-kumbinazzjonijiet tal-iskandlu tal-Panama kollha jindikaw li hemm “text book case of money laundering”.