Elezzjoni 2017 Lokali

FILMAT: “Il-poplu se jkun parti mit-teħid tad-deċiżjonijiet u mill-implimentazzjoni tagħhom” – Marlene Farrugia

Il-Forza Nazzjonali hija l-bidu għal politika tal-kunsens fejn il-poplu jħossu parti mhux biss mit-teħid tad-deċizjonijiet imma wkoll mill-implimentazzjoni tagħhom fejn imexxi l-poplu għax aħna qegħdin hemm biex inservu b’ġustizzja soċjali.

Marlene Farrugia, il-Kap tal-Partit Demokratiku qalet dan il-bieraħ waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista li matul tġabbru l-kandidati tal-Forza Nazzjonali .

Marlene Farrugia saħqet li l-Forza Nazzjonali se jkollha r-ruh Laburista li tilef il-gvern ta’ Joseph Muscat. Hi qalet li mal-Forza Nazzjonali flimkien mal-poplu kollu se jirbħu wkoll il-Laburisti. Qalet li l-ħolma tal-Laburisti li sfaw ingannati mill-wegħdi ta’ Joseph Muscat issa tista’ssir realtá permezz tal-Forza Nazzjonali.

Hi fakkret li l-Gvern ta’ Joseph Muscat ma ddejjaqx joskura isem pajjiżna lanqas meta pajjiżna għandu f’idejh il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea.

Marlene Farrugia qalet li l-poplu Malti jrid jagħżel bejn il-Gvern ta’ Muscat li tela’ bl-għajta ta’ Malta tagħna lkoll imma imbagħad mexa fi triq totalment differenti u l-poplu kien ittradut u gvern ta’ Forza Nazzjonali li huwa determinat li jsarraf l-għażla tal-poplu Malti b’rebħa għal ħames snin sħaħ u aktar favur pajjiżna. Hi qalet li l-Partit Demokratiku li hu parti mill-Forza Nazzjonali inħoloq biex il-poplu jkollu l-għażla li jpoġġi gvern ġdid alternattiv.

Hi spjegat li l-PD aċċetta li jikkontesta fil-lista tal-Partit Nazzjonalista biex ikun ta’ servizz għall-pajjiż ħalli jkollna gvern aħjar utinħoloq maġġoranza ġdida. Hi qalet li l-Forza Nazzjonali se tkun hemm biex isservi u kulħadd għandu jagħti l-kontribut tiegħu għal politika ta’ kunsens.