Elezzjoni 2017 Knisja

Użaw il-vot tajjeb.. fittxu l-valur tal-għaqal u tal-integrità

L-Isqfijiet elenkaw li l-votanti għandhom responsabbiltà, responsabbiltà li titlob mill-votanti li jagħżlu persuni li jgħożżu u jħaddnu l-valuri etiċi.

L-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna u l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech ħeġġew lill-Maltin biex jivvutaw għall-kandidati ta’ għaqal u integrità, “li jgħożżu u jħaddnu l-valuri etiċi li l-poplu Malti minn dejjem kien jemmen fihom. L-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex għamlu dan l-appell fl-Ittra Pastorali li ħarġu fl-okkażjoni tal-elezzjoni ġenerali.

F’din l-istess ittra pastorali, l-Isqfijiet appellaw lill-votanti biex jagħmlu għażla favur il-ġid komuni u favur soċjetà ġusta. L-Isqfijiet iddeskrivew l-elezzjoni ġenerali bħala avveniment t’importanza fil-ħajja tas-soċjetà Maltija, għax bl-elezzjoni jintgħażel lil min il-poplu jafda t-tmexxija ta’ Malta fis-snin li ġejjin.

Huma żiedu jgħidu li din hi responsabbiltà serja fuq spallejn il-votanti u li titlob minnhom li jippreparaw ruħhom sew ħalli jagħmlu deċiżjoni infurmata u li tkun tajba għall-pajjiż.

L-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex qalu li kulħadd għandu jivvota skont il-kuxjenza u jagħżel dak li hu tassew għall-ġid komuni u għal soċjetà tassew ġusta. L-Isqfijiet iddeskrivew il-vot bħala tweġiba għad-domanda: X’tip ta’ soċjetà rridu għalina lkoll u għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin?

L-Isqfijiet elenkaw li l-votanti għandhom responsabbiltà, responsabbiltà li titlob mill-votanti li jagħżlu persuni li jgħożżu u jħaddnu l-valuri etiċi. Huma qalu li bħala ewlieni fost dawn il-valuri, l-Isqfijiet semmew il-valur tal-ħarsien tal-ħajja umana mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha, u tar-rispett lejn id-dinjità ta’ kull bniedem.

Appellaw biex fi kliemna u għemilna nkunu mmexxija dejjem bi spirtu ta’ djalogu, ta’ rispett kbir lejn il verità u lejn xulxin, ukoll lejn min għandu fehma differenti.