Futbol Sport

Bjorn Kristensen Plejer tas-Sena tal-MFA għall-ewwel darba

Bjorn Kristensen bl-unur tal-MFA Player of the Year (Ritratt: Paul Zammit Cutajar)

Il-midfielder ta’ Hibernians Bjorn Kristensen hu l-Plejer tas-Sena tal-MFA. Dan wara li rebaħ l-ogħla unur fl-MFA Awards li saret ilbieraħ f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt Valletta.

Il-plejer ta’ 24 sena spikka mhux ftit fil-mixja li Hibernians kellhom biex kisbu t-12-il kampjonat fl-istorja. Kristensen għeleb l-isfida ta’ sieħbu ta’ Hibernians Andrei Agius, Paul Fenech ta’ Balzan u ż-żewġ plejers ta’ Birkirkara Gareth Sciberras u Joseph Zerafa li kollha kienu finalisti għal dan l-unur.

Hibernians spikkaw ukoll f’unuri oħra, hekk kif il-kowċ ta’ 54 sena Mark Miller rebaħ l-unur tal-aqwa kowċ, filwaqt li l-attakkant żagħżugħ Jurgen Degabriele rebaħ l-unur tal-aqwa plejer żagħżugħ.

L-attakkant ta’ Balzan Bojan Kaljevic rebaħ l-aqwa barrani tas-sena filwaqt li l-midfielder ta’ Birkirkara Ryan Scicluna rebaħ l-aqwa gowl tas-sena għal gowl skorjat kontra Gżira.

Il-plejer offensiv ta’ Senglea Juninho Cabral rebaħ l-aqwa plejer tal-ewwel diviżjoni, Giovanni Galea ta’ Qrendi rebaħ l-unur tal-aqwa plejer tat-tieni diviżjoni filwaqt li Ryan Sell kiseb l-unur tal-aqwa plejer tat-tielet diviżjoni.

Stephania Farrugia ta’ Birkirkara spiċċat bħala l-aqwa plejer femminili. Il-gowlkiper ta’ Xewkija Steve Sultana rebaħ l-unur tal-aħjar plejer Għawdxi, filwaqt li Jovica Milijic ta’ Valletta rebaħ l-aħjar plejer tal-futsal. Jan Busuttil ta’ Pietà rebaħ l-kategorija Best Youth Player.

Ingħataw tliet unuri oħra b’differenza. Esther Azzopardi li proprju rtirat f’dan l-istaġun, ingħatat unur mid-Dipartiment tar-Refereeing, Swieqi United rebħu l-unur tal-Fair Play, filwaqt li Louis Agius tas-South End Core rebaħ l-unur tal-President.

Waqt is-serata, ingħataw ukoll l-unuri għall-aqwa skorers. Dawn kienu:

Kampjonat Premier: Bojan Kaljevic (Balzan) 23 gowl

Kampjonat I Div: Juninho Cabral (Senglea) 25 gowl

Kampjonat II Div: Giovanni Galea (Qrendi)  29 gowl

Kampjonat III Div: Timmy Thomas (Kalkara) 30 gowl

Kampjonat tan-nisa: Ylenia Carabott (Hibernians)  25 gowl

Kampjonat I Div tan-nisa: Emma Moore (Swieqi)   28 gowl

Is-serata kienet preżentata minn Christian Micallef mill-programm sportiv Replay ta’ Net Television, Rodney Vassallo mill-programm Kontrattakk ta’ TVM2 u Clinton Buhagiar mill-programm L-Argument ta’ One, li huma t-tliet preżentaturi   tal-programmi tal-futbol f’Malta.