“Din mhijiex elezzjoni ta’ bejn il-partiti imma elezzjoni bejn Joseph Muscat u Malta” dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil f’artiklu ppubblikat fuq il-gazzetta The Sunday Times of Malta.
Fl-artiklu tiegħu, Simon Busuttil ta spjegazzjoni għaliex matul din il-kampanja elettorali baqa’ jitkellem dwar il-korruzzjoni, speċjalment dwar il-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Ministru Konrad Mizzi u c-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri. Hu qal li se jibqa’ jitkellem dwar din il-korruzzjoni għar-raġuni li Malta m’għandix ikollha elezzjoni ġenerali fit-3 ta’ Ġunju li ġej. Qal li f’pajjiż normali, meta politiku jkun taħt investigazzjoni kriminali jirriżenja, meta Prim Ministru ta’ pajjiż jagħżel chief of staff tiegħu li mbagħad ikun akkużat b’ħasil ta’ flus jirriżenja. F’pajjiż normali, l-istituzzjonijiet tal-pajjiż kienu jieħdu azzjoni immedjata sabiex jiżguraw li d-demokrazija tirrenja. Madanakollu, fil-każ ta’ Malta dan ma seħħ xejn għax Malta mhijiex pajjiż normali.
Fl-artiklu tiegħu, Simon Busuttil qal li sal-ġimgħa li għaddiet stess, isem Malta kien deskritt fuq ir-rivista The Economist bħala “a shady island”, “a source of anxiety and embarrasment” mill-gazzetta The Guardian, u “Panama of Europe” mill-ItaliaOggi. Dawn huma kollha ismijiet li ngħataw lil Malta minħabba s-sitwazzjonijiet ta’ korruzzjoni fil-politika ul-ħasil ta’ flus li qed jiddominaw l-aħbarijiet ta’ pajjiżna.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kompla jgħid li jekk wieħed jiżen dawn l-implikazzjonijiet u jħares lejn il-futur ta’ pajjiżna wieħed jista’ jinnota l-impatt u l-effett li se tħalli fil-qasam tas-servizzi finanzjarji ta’ pajjiżna. Ċertament, din se tkun daqqa ta’ ħarta lejn l-ekonomija Maltija.
Busuttil fakkar li dan kollu seta’ jiġi evitat kieku Joseph Muscat irreżenja u ħalla lill-Partit Laburista jkompli jigverna hu.
Il-Kap tal-PN kompla jgħid minkejja d-diversi proposti li qed jinħarġu mill-Partit Nazzjonalista, hu qal li din mhijiex elezzjoni ta’ proposti.
Kompla jgħid li mill-mument minn meta sar Kap tal-Partit Nazzjonalista, hu beda jitkellem man-nies fi djarhom stess. Tkellem ma nies li kienu mweġġgħin mill-partit li jħobbu, u nies li riedu iktar ġustizzja. Minkejja li kien hemm ħafna mumenti diffiċli li fihom kellu joffri apoloġija, qal li ta’ kull darba hu kien mimli enerġija bl-appoġġ li n-nies stess kienet qed ittiħ. Sabiex jagħmel dan, Simon Busuttil biddel l-istruttura u dawwar il-partit f’partit tan-nies. Apparti minn hekk hu qal li mill-bidu beda x-xogħol sabiex tinqatel il-medjokrità li Malta kien wasal fiha.
Għall din ir-raġuni wkoll, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li qed iwiegħed li la darba jkun hemm gvern ġdid Nazzjonalista, il-ħatriet tal-President u tal-Kummissarju tal-Pulizija mhux se jibqgħu jiġu maħtura mill-Gvern biss iżda minn żewġ terzi tal-Parlament.
Apparti minn dawn il-proposti, il-Partit Nazzjonalista diġà ħabbar ħafna proposti li se jibbenefikaw minnhom diveri persuni fosthom il-pensjonanti, l-anzjani, il-familji, il-ħaddiema, persuni fil-qasam tal-kummerċ, l-Għawdxin u proposti oħra fuq il-housing. Fil-ġranet li ġejjin, il-Partit Nazzjonalista se jkompli joħroġ aktar proposti li se jibbenefikaw minnhom aktar u aktar nies. Il-Proposti kollha jinsabu fuq is-sit ForzaNazzjonali.com.
L-artiklu fuq il-gazzetta The Sunday Times of Malta spiċċa bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista jwiegħed li se jibda jaħdem fuq dawn il-proposti mill-ewwel minuta tiegħu bħala Prim Ministru ta’ Malta. Apparti minn hekk hu qal li il-koalizzjoni ta’ Forza Nazzjonali se tagħti l-opportunità lin-nies sabiex tingħaqas sabiex Malta issir pajjiż dejjem aħjar.
L-elezzjoni ta’ nhar it-3 ta’ Ġunju mhijiex elezzjoni bejn il-partiti imma elezzjoni bejn Joseph Muscat u Malta.
//= $special ?>